Studentillum
Studentillum
More

Ix-xjenza meraviljuża tal-borra u s-silġ

Kultant żmien fuq il-gżejjer Maltin tagħmel ħalba silġ, imma, kif taf tajjeb, borra qatt ma tinżel. 


Madankollu s-sinifikat xjentifiku ta’ dawn iż-żewġ elementi huwa universali u, minbarra li ssaħħarna bil-meravilja tagħha, il-borra tqabbadna kurżità biex niskopru kif din tifforma u kif kapaċi tiksi l-pajsaġġi bil-bjuda tagħha fi ftit sigħat. 


Dan l-aħħar għamilna ftit riċerka bażika u skoprejna kif il-borra u s-silġ jirregolaw il-klima u l-ekoloġija tal-pjaneta tagħna. L-għarfien dwar il-formazzjoni u l-komponenti tal-borra u tas-silġ jiftaħ il-bibien għall-esplorazzjoni ta’ kunċetti essenzjali bħaċ-ċiklu tal-ilma, l-istati tal-materja, u t-tibdil fil-klima.


Nissuġġerixxi li hawnhekk niddefinixxu x’inhu silġ (hail), borra (snow) u anke xita (għax l-aktar relatabbli mal-qarrejja). 


Kull farka borra, jew kif inhi magħrufa bl-Ingliż, l-isnowflake hija kapulavur ċkejken tan-natura. Dan għaliex filwaqt li l-ebda żewġ snowflakes mhuma eżattament l-istess, kull waħda hija maqsuma fi struttura komuni b’sitt naħat. 


Din is-simetrija f’forma ta’ esagonu (hexagon) li fiha sitt naħat, tirriżulta mill-arranġament molekulari tal-ilma. Hekk kif il-fwar tal-ilma jiffriża bil-mod, dan jifforma struttura kristallina li tespandi u tirriżulta fil-karatteristika tas-simetrija ta’ sitt darbiet li naraw fil-farka tas-silġ. Il-forom u d-daqsijiet tal-isnowflakes jiddependu fuq it-temperatura u l-umdità matul il-formazzjoni tagħhom, u dan hu dak li jagħmel kull farka ħolqien uniku tan-natura.


Qatt kont tobsor li s-silġ huwa kklassifikat bħala minerali? Bħall-melħ u d-djamanti, is-silġ ukoll jifforma kristalli, madankollu l-istruttura kristallina tas-silġ hija inqas stabbli u aktar dinamika minn dik tal-melħ. Is-silġ jifforma meta l-ilma jiffriża f’0°C (32°F) jew inqas, u dan iwassal għall-arranġament tal-molekuli tal-ilma fi stat solidu. 


Dan il-proċess mhux biss ibiddel il-propjetajiet fiżiċi tal-ilma iżda jintroduċi wkoll fenomeni affaxxinanti, bħall-fatt li s-silġ huwa inqas dens mill-ilma likwidu. Din il-karatteristika unika tippermetti li s-silġ jitla’ f’wiċċ l-ilma, u joħloq saff ta’ insulazzjoni li huwa importantissimu biex tissalvagwardja l-ħajja akkwatika matul ix-xhur inġazzati tax-xitwa.


Il-kapep tas-silġ polari għandhom rwol kruċjali fir-regolazzjoni tat-temperatura tad-dinja. Dawn il-meded vasti ta’ silġ jirriflettu d-dawl tax-xemx, u jgħinu biex jinżamm bilanċ fil-klima tal-pjaneta tagħna. Meta s-silġ idub minħabba t-temperaturi li qed jogħlew, jiġi rifless inqas dawl tax-xemx li jwassal għal aktar sħana. Dan iċ-ċirku jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima, it-tisħin globali u l-effetti tiegħu fuq l-ekosistemi.


Għalkemm l-Esplora bħalissa m’hemmx esebit li jesplora x-xjenza tal-borra u s-silġ, hemm sala sħiha ddedikata lill-pjaneta tagħna, id-dinja fejn b’mod interattiv tkun tista’ tiskopri fatti interessanti li juru stati ta’ materja – solidi, likwidi, u gass – u li juruk kif it-temperatura taffettwa l-imġiba tal-ilma. 

Billi nistudjaw dawn il-fenomeni, nistgħu nrawmu apprezzament akbar għas-sistemi kkomplikati li jirregolaw l-ambjent tagħna u nispiraw lill-ġenerazzjonijiet futuri biex jimpenjaw ruħhom max-xjenza. 


It-tħaddin tas-sbuħija tax-xitwa u x-xjenza warajha joffrilna l-opportunità li nitgħallmu dwar kunċetti tal-fiżika li jsawru l-pjaneta tagħna.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept