Studentillum
Studentillum
More

Id-Deepfake u l-Intelliġenza Artifiċjali

Il-fenomenu ta’ kontenut diġitali artifiċjali reali kważi iżjed mir-realtà

Jista’ jkun li ġieli kont qed tqalleb fuq il-midja soċjali u rajt vidjow ta’ xi ċelebrità tagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn, u dan iġiegħlek taħseb jekk hux qed tara sew jew le. Huwa u mhuwiex. Avolja l-persuna m’għamlitx hekk fil-verità, il-vidjow ikun manipulat jew ikkreat bl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) sabiex din ix-xena sseħħ. 


Din it-teknoloġija, magħrufa bħala Deepfake, qed issir iżjed u iżjed popolari hekk kif l-IA qed tavvanza iżjed kemm jgħaddi żmien.


Din it-tip ta’ teknoloġija mhix il-problema, imma l-bużillis jiġi mill-użanza tal-IA u d-Deepfakes. L-Amerka u l-UE, fost oħrajn, diġà bdew jirregolaw id-Deepfakes sabiex jevitaw użanza malizzjuża fejn jistgħu jweġġgħu n-nies jew tiġi mxerrda informazzjoni qarrieqa. 


X’nifhmu allura b’Deepfake?


Deepfake huwa tip ta’ kontenut diġitali li ġie mbagħbas jew iġġenerat bl-IA sabiex it-tali kontenut juri avveniment reali imma differenti minn dak li kien hemm oriġinarjament. Dan il-kontenut jinbidel bi programm tal-kompjuter li janalizza l-informazzjoni tal-kontenut u juża l-istess informazzjoni sabiex joħloq kontenut ġdid minn dak provdut.


Teknoloġija bħal face swapping u filters fuq applikazzjonijiet tal-midja soċjali ilhom popolari snin, allura x’inhi d-differenza bejn dawn u d-deepfakes? Meta wieħed jieħu ritratt b’dawn il-filters li jġegħluk tidher ixjaħ fl-età, ir-ritratt ikollu element fittizju fih iżda d-Deepfakes huma pjuttost reali. Din hi l-iżjed ħaġa li qed tinkwieta lin-nies, jiġifieri jekk tistax tagħraf il-falz mill-veru. 


U jekk huma daqshekk preċiżi, mela liema ħa temmen?


Kif tista’ tagħraf Deepfake?


Hija diffiċli sabiex wieħed jagħraf Deepfake minn ritratt veru sakemm ma jkunx espert fil-qasam. Dan il-kontenut artifiċjali jista’ jkollu affarijiet li jispikkaw minn kontenut normali, eżempju partijiet tal-ġisem surreali. 


Żball li ħafna nnutaw huwa li l-uċuħ kreati bid-Deepfake ma jteptpux għajnejhom b’mod normali hekk kif ħafna mir-ritratti tan-nies ikollhom għajnejhom miftuħin. Din it-teknoloġija għandha problemi b’affarijiet iddettaljati bħal xagħar jew snien. Hemm ħafna investiment f’teknoloġija li tista’ tagħraf Deepfakes.


Qabel kienet ferm eħfef sabiex wieħed jagħraf id-Deepfakes, imma bl-investimenti kbar li seħħu fl-IA dawn saru iżjed reali. Huwa fiċ-ċert li din it-teknoloġija ħa tibqa’ ssir iżjed reali u iżjed diffiċli sabiex tagħraf. 


Regolazzjoni ta’ Deepfakes


Minħabba l-ħażen li ġġib magħha din it-tip ta’ teknoloġija, ħafna pajjiżi ħarġu liġijiet fuq id-Deepfakes. L-UE ppubblikat l-AI Act li titfa’ responsabbiltà fuq dawk li joħolqu u jużaw sistemi t’IA. Minbarra liġijiet speċifiċi, hemm ukoll il-GDPR li tirrestrinġi l-użanza ta’ ritratti ta’ xi ħadd bla kunsens tagħhom. 

Franza introduċiet liġi sabiex tissikka ċ-ċintorin kontra frodi diġitali, liġi li tipprojbixxi li xi ħadd jaqsam Deepfake bla kunsens tal-persuna li tidher fid-Deepfake.  


Benefiċċji u żvantaġġi tad-Deepfakes


Meta wieħed jaħseb fid-Deepfakes, immedjatament jaħseb fil-ħażin. Hemm lista twila t’affarijiet qarrieqa li wieħed jista’ jagħmel b’din it-teknoloġija, pereżempju jxerred aħbarijiet foloz, jisraq l-identità ta’ dak li jkun u jimmalafamah. 


L-iżjed biċċa inkwetanti hija li llum il-ġurnata ħafna nies jiksbu l-informazzjoni u l-aħbarijiet mill-midja soċjali. Meta jkun hemm xi Deepfake ta’ politikant jew figura prominenti, dak li jkun jista’ jemmen li jgħid il-vidjo falz u jkollu informazzjoni qarrieqa. Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni ta’ privatezza u malafama. Jekk id-Deepfake jintuża sabiex persuna tgħid jew tagħmel affarijiet umiljanti, din jista’ jkollha konsegwenzi gravi.


Minkejja kollox, id-deepfakes iġibu ċerti benefiċċji li ħafna ma jafux bihom. It-teknoloġija tad-Deepfake tat spinta ’l fuq l-IA. L-iżvilupp tat-teknoloġija li tista’ tagħraf id-Deepfakes wasslet għal IA iżjed avvanzata li tista’ tintuża f’oqsma oħra. Din it-teknoloġija hi t’għajnuna wkoll għal nies bi problemi ta’ mobbiltà billi toffrilhom għodda tal-IA iżjed aċċessibbli.


Hawn ċerti siti elettroniċi li qed jibbenefikaw minn dan. Id-Deepfake tista’ terġa’ tagħti l-ħajja figuri li mietu sabiex dak li jkun ikollu ċans ieħor jitkellem ma’ xi ħadd li ħalla din id-dinja. 


Kitba ta’ Ilenia Debono

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept