Studentillum
Studentillum
Brochure for a Student Summer Programme 2026 displayed on a table.

Il-Programm tas-Sajf tal-Istudenti lura b’aktar avvenimenti

JAELLE BORG

Il-Programm tas-Sajf tal-Istudenti ta’ Heritage Malta jirritorna mid-29 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Settembru b’24 attività madwar Malta u Għawdex. Il-programm jistieden lit-tfal u l-adolexxenti ta’ bejn 6 snin u 14-il sena biex jittrasformaw il-vaganzi tas- sajff’avventura indimentikabbli fl-istorja mlewna tal-gżejjer tagħna.


Maħluq biex jgħaqqad it-tagħlim mad-divertiment, il-programm joffri lill-parteċipanti u lill-familji tagħhom esperjenzi interattivi f’mużewijiet u siti, imfassla biex jiftħu twieqi fuq l-istorja, l-arti, il-kultura u x-xjenza lil hinn mill-klassi.


Artisti żgħażagħ jistgħu jesploraw il-pittura bit-tempra, l-istampar bl-intaglio u l-fotografija f’MUŻA – Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, jiskopru s-simboliżmu fil-pitturi tal-eks mexxejja ta’ Malta fil-Palazz tal-Gran Mastru, u jitgħallmu dwar l-istemmi araldiċi fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.


Dawk bl-istorja u l-arkeoloġija għal qalbhom jistgħu jiskopru kif in-nies kienu jbaħħru fil-preistorja fil-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien, jeżaminaw artefatti mtellgħa minn taħt il-mewġ fiċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni dwar il-Bennejja tal- Fortifikazzjonijiet, jisimgħu rakkonti dwar pirati u stejjer tal-biża’ fil-Forti Sant’Anġlu, u jitgħallmu dwar l-għadam u l-iskeletri ma’ osteologu fil-Katakombi ta’ San Pawl. Fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija f’Għawdex, il-parteċipanti se jiskopru kif kien jinħadem il-fuħħar ħafna qabel l-invenzjoni tar-rota tal-fuħħar.


Fost l-attivitajiet insibu wkoll missjoni fejn il-parteċipanti jridu jaqtgħu kodiċi fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija u sessjoni ta’ Tombla fil-Mużew fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra. Fil-Palazz tal-Inkwiżitur, l-istudenti jistgħu jesploraw ikel tradizzjonali Malti, jiskopru kif kienu jitħejjew deżerti ffriżati qabel il-mezzi moderni ta’ tkessiħ, u jippruvaw tekniki tal-ħjata mnebbħin mill-moda storika.


Xjentisti ċkejknin jistgħu jinvestigaw uħud mill-aktar speċi kurjużi tal-oċeani – mill-bram u l-iljun il-baħar sal-bebbux – fil- Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, fejn se jkunu jistgħu jgawdu wkoll il-wirja temporanja ‘In-Natura fil-Folklor Malti’, li ġiet estiża sal-Ħadd 19 ta’ Lulju b’talba popolari. F’Għar Dalam u l-Mużew, imbagħad, se jiskopru kif żrieragħ żgħar jikbru f’siġar kbar u b’saħħithom.


Waqt it-tnedija tal-programm, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li: “Il-programm iwassal wirt pajjiżna bħala esperjenza ħajja, u l-mużewijiet u s-siti tagħna bħala spazji akkoljenti fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. B’dawn l-attivitajiet, l-aġenzija timmira li tqanqal il-kreattività, il-kurżità, il-ħsieb kritiku u apprezzament aktar profond tal-wirt ta’ Malta fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.”

  • Home

Studentillum

Copyright © 2026 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept