
“Le, għadni ma bdejtx.”
“Qed nipprova ma nippanikkjax.”
“Qisu moħħi waqaf jaħdem.”
Jekk dan il-kliem qed jinstema’ aktar mis-soltu bħalissa, hemm spjegazzjoni sempliċi ħafna: wasal iż-żmien tal-eżamijiet.
Dak iż-żmien tas-sena fejn f’daqqa waħda kull student jibda jgħix qalb il-kotba u l-karti, bl-istress u t-tfakkiriet kostanti ta’ kemm “dan il-perjodu huwa importanti għall-futur tiegħek”.
U iva … dak iż-żmien fejn “se nibda nirrevedi fis-7pm” u tispiċċa tibda fil-11pm wara siegħa tara xi film, kriżi żgħira fuq kemm fadallek xogħol.
Għal ħafna studenti, l-eżamijiet ma jfissrux biss test jew marka. Iġibu magħhom pressjoni kbira, ansjetà u biża’ li ma tkunx qed tagħmel biżżejjed.
Xi studenti jħossu pressjoni kbira bil-volum tax-xogħol. Oħrajn jibdew jinkwetaw fuq il-marki, il-futur jew il-pressjoni biex “jagħmlu tajjeb”.
U l-verità hi li l-istress waqt dan il-perjodu huwa reali ħafna.
Diversi studji internazzjonali juru li matul l-istaġun tal-eżamijiet ħafna studenti jesperjenzaw livelli għoljin ta’ stress u ansjetà. Fost l-iktar affarijiet komuni hemm in-nuqqas ta’ rqad, diffikultà biex wieħed jikkonċentra, irritabilità u għeja mentali.
U frankament … mhux diffiċli tifhem għaliex.
F’daqqa waħda, kull konverżazzjoni ddur mal-istess suġġett:
“Kemm fadallek kapitli?”
“Lest għall-matematika?”
“Int diġà għamilt il-past papers kollha?”
Anke d-dar l-atmosfera tinbidel. Il-ġenituri jippruvaw jgħinu, l-għalliema jkomplu jfakkru kemm hu importanti li torganizza ruħek, u kull student jibda jagħmel orarji ġodda ta’ reviżjoni kull jumejn bħallikieku din id-darba se jbiddel ħajtu.
U mbagħad hemm il-pressjoni tal-midja soċjali.
TikTok u Instagram jimtlew b’rutini perfetti ta’ studju, noti colour-coded, u videos ta’ studenti li qishom ilhom jistudjaw minn Jannar mingħajr waqfa.
Safrattant inti qed tipprova tifhem kif qattajt 20 minuta tħares lejn l-istess paġna mingħajr ma fhimt sentenza waħda.
Imma importanti nifhmu li mhux kulħadd jistudja bl-istess mod. U mhux kulħadd jimmaniġġja l-istress bl-istess mod lanqas.
Hemm min jippreferi jistudja bil-kwiet. Hemm min irid iqum u joqgħod ta’ spiss. Hemm min iħossu aktar produttiv billejl waqt li oħrajn kmieni filgħodu.
U iva — hemm ukoll min ikollu ġurnata fejn sempliċement ma jirnexxilu jagħmel xejn.
Dan ma jfissirx li fallejt.
Waħda mill-akbar problemi waqt l-eżamijiet hija l-idea li student għandu jkun “produttiv” il-ħin kollu.
Imma moħħ għajjien ma jaħdimx tajjeb.
Kultant, pawsa żgħira, mixja qasira jew ftit mistrieħ jagħmlu aktar differenza minn tliet sigħat tħares lejn in-noti bil-paniku.
Esperti fuq is-saħħa mentali jisħqu wkoll fuq l-importanza tal-irqad, rutina bilanċjata u li wieħed jitkellem meta jħossu stressjat iżżejjed. Għal xi wħud dan il-perjodu jista’ jkun tassew diffiċli u għalhekk importanti ħafna li nsibu lil min jifhimna.
U forsi l-iktar ħaġa importanti li ħafna studenti għandhom bżonn jisimgħu bħalissa hi li marka ma tiddefinikx bħala persuna.
Iva, l-eżamijiet huma importanti. Imma mhux aktar mis-saħħa mentali tiegħek.
Mhux aktar mill-irqad tiegħek.
Mhux aktar mill-paċi tiegħek.
U żgur mhux aktar mill-valur tiegħek bħala persuna.
Allura jekk bħalissa tħossok stressjat, waqajt lura jew qisek qatt m’int se tlaħħaq … taf li m’intix waħdek.
Kważi kulħadd qed iħoss xi forma ta’ paniku bħalissa. Xi wħud sempliċement jaħbuh aħjar minn oħrajn.
U jekk illum irnexxielek tiftaħ ktieb, tirrevedi ftit jew sempliċement tipprova … dik diġà hija xi ħaġa.
Anke jekk ilek tgħid lilek innifsek “ħa nibda għada” għal ġimgħa sħiħa.
Studentillum
Copyright © 2026 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.