Studentillum
Studentillum
More

Deformità fis-suba’ ż-żgħir kawża tal-użu tal-mobile

Il-piż ta’ smartphones il-ħin kollu f’idejna jaf ikollu effett negattiv fuq is-saħħa tal-idejn

Fid-dinja moderna, fejn l-użu tal-mobiles sar regolari, ħafna nies ma jagħtux kas l-effetti fiżiċi li dan iħalli fuq ġisimhom. 


Filwaqt li bosta nies jafu bil-ħsara li l-mowbajls u t-teknoloġija jaf ikollhom fuq l-għajnejn jew fuq is-sinsla tad-dahar minħabba pożizzjonijiet ħżiena, ftit jagħtu kas l-impatt fuq l-idejn, speċjalment fuq is-suba’ ż-żgħir. 


L-użu kontinwu ta’ smartphones jista’ jwassal għal kundizzjoni magħrufa bħala smartphone pinky li hija d-deformità tas-suba’ ż-żgħir minħabba l-piż tal-mobile li jserraħ fuqu.


X’inhu eżattament l-ismartphone pinky?


It-terminu “smartphone pinky” jirreferi għall-ħsara jew id-deformità li tista’ tiżviluppa fis-suba’ ż-żgħir minħabba l-piż li mobile jpoġġi fuqu meta jintuża għal perjodu twil.


Dan l-effett jirriżulta mill-fatt li l-maġġoranza tal-persuni jserrħu l-mobile mas-suba’ ż-żgħir filwaqt li jużaw subgħajhom l-oħra biex iqallbu jew jiktbu fuq l-iskrin. 


Kif ġie nnutat f’diversi studji u rapporti, din il-pożizzjoni tista’ twassal għal stress ripetut fuq is-suba’ ż-żgħir u tista’ tirriżulta f’deformità tal-għadam jew tal-ġogi.


Is-sintomi tad-deformità tas-swaba’


Hemm diversi sintomi li jistgħu jiġu osservati minn dawk li jużaw il-mobiles tagħhom għal perjodi twal.


L-uġigħ jista’ jidher wara l-użu twil tal-mobile, speċjalment jekk is-suba’ ż-żgħir ikun qiegħed iżomm mowbajl li jkun kbir jew jiżen ħafna. Xi nies jistgħu wkoll iħossu t-tensjoni meta jippruvaw imexxu ftit is-swaba’ tagħhom.


F’ċerti każijiet, in-nies jistgħu jinnutaw bidla fil-forma jew il-pożizzjoni naturali tas-suba’ ż-żgħir. 


Dan jista’ jkun minħabba li l-ġogi jew l-għadam qed jiġu mġebbda jew magħfusa b’mod mhux naturali. Il-moviment tas-suba’ jista’ jsir iktar limitat maż-żmien, u dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ funzjonalità sħiħa.


Il-kawża ewlenija ta’ smartphone pinky hija l-użu twil u mhux ergonomiku tal-mowbajls. Illum il-ġurnata, il-mowbajl sar akbar u itqal, u n-nies spiss ikollhom iserrħu l-mobile mas-swaba’ tagħhom, b’mod speċjali s-suba’ ż-żgħir. Il-frekwenza ta’ kemm in-nies idumu jużaw il-mobiles ma tgħinx, u dan jaffettwa l-funzjonalità tas-suba’ ż-żgħir.


Kif tipprevjeni d-deformità tas-suba’ ż-żgħir?


Għalkemm smartphone pinky tista’ tkun kundizzjoni skomda jew saħansitra problema għal xi nies, hemm diversi miżuri li tista’ tieħu biex tevita li tiżviluppa jew biex tnaqqas l-effetti tagħha.


Il-mowbajl jista’ jinżamm b’mod li ma jagħmilx pressjoni fuq is-suba’ ż-żgħir. L-użu miż-żewġ idejn jgħin sabiex jitqassam il-piż tal-mobile b’mod indaqs. 


Apparti minn hekk, hemm diversi stands li jistgħu jgħinu sabiex il-mowbajl jintuża mingħajr ma jintuża fl-idejn għal tul ta’ żmien.


L-aktar mod effettiv sabiex titnaqqas il-possibbiltà li wieħed ikollu d-deformità fis-suba’ ż-żgħir hu li jiġi llimitat l-użu tal-mowbajl. B’hekk, mhux talli titnaqqas il-possibbiltà għad-deformità iżda anke għas-saħħa ġenerali tal-persuna.


Għalkemm l-użu tal-ismartphones sar essenzjali fil-ħajja moderna, huwa importanti li jkun hemm kuxjenza fuq l-effetti negattivi li dan jista’ jkollu fuq is-saħħa, speċjalment fuq il-pożizzjoni u l-istress fuq l-idejn.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept