Studentillum
Studentillum
More
Bashar al-Assad

Il-kunflitt fis-Sirja: Il-ġrajjiet kif u meta ġraw

Ħarsa lejn l-avvenimenti b’mod kronoloġiku tal-evoluzzjoni tal-kunflitti fis-Sirja

 Il-kunflitt fis-Sirja, wieħed mill-aktar kriżijiet kumplessi u devastanti tas-seklu 21, immudella il-Lvant Nofsani għal dak li nafu llum, bl-effetti tiegħu jmewġu għall-kumplament tad-dinja inkluż f’Malta. 


Dak li beda bħala protesta paċifika fl-2011 kontra l-ħakma awtoritarja malajr inbidel fi gwerra ċivili brutali, ikkaratterizzata minn involviment internazzjonali kumpless, vjolenza estremista, imħallas bi prezz umanitarju xokkanti. 


Għal dawk mhux familjari mal-istorja, dawn huma l-ġrajjiet kif ġraw, u meta ġraw mill-oriġini tagħhom sal-waqgħa drammatika tar-reġim ta’ Bashar al-Assad f’Diċembru tal-2024.


2011 – Ir-Rebbiegħa Għarbija tqanqal is-Sirja

F’Marzu tal-2011, ispirati mir-Rebbiegħa Għarbija, bdew numru ta’ protesti f’Daraa kontra l-ħakma awtoritarja ta’ Bashar al-Assad. F’April il-Gvern ta’ Bashar al-Assad jirrispondi b’attakki brutali li joqtlu l-mijiet, u tinbet rewwixta nazzjonali b’talba għal riformi demokratiċi u r-riżenja ta’ Assad.

Sa Lulju tal-istess sena, il-protesti jevolvu f’ribelli armati bit-tama li jiġu mnaqqsa l-attakki militari. Hawn tinħoloq l-FSA, l-Armata Sirjana Ħielsa.


2012 – Il-kunflitti jgħollu rashom

Il-ġlied jintensifika fis-Sirja kollha. Il-pajjiż jinħakem minn gwerra ċivili b’diversi fazzjonijiet: ir-reġim ta’ Assad, ribelli tal-oppożizzjoni, u gruppi estremisti.

F’Lulju tal-2012, ir-ribelli jaħtfu partijiet minn Aleppo, l-akbar belt tas-Sirja. Dan iwassal għal bidla kbira, li tbiegħed lil ħafna minn pajjiżhom, b’mijiet ta’ eluf jibdew jaħarbu lejn pajjiżi ġirien.


2013 – L-estremiżmu jiżdied

F’Awwissu tal-2013, attakk bl-armi kimiċi f’Ghouta qrib Damasku, allegatament imwettaq mir-reġim ta’ Assad, joqtol mijiet. L-inċident iqajjem rabja internazzjonali. F’Settembru, waqt li qed jaffaċċja pressjoni globali, Assad jaqbel li jżarma ħażniet ta’ armi kimiċi mis-Sirja taħt ftehim mibgħut mill-Istati Uniti u r-Russja.

Fl-istess perjodu, gruppi estremisti bħall-ISIS (l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u s-Sirja) u Jabhat al-Nusra jiksbu prominenza, billi jisfruttaw il-kaos biex jespandu l-influwenza tagħhom.


2014 – L-ISIS jiddikjaraw kalifa

L-ISIS jaħtfu meded kbar ta’ territorju fis-Sirja u l-Iraq, u f’Ġunju tal-2014 jiddikjaraw kalifa b’Raqqa bħala l-kapitali tagħha. Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti tmexxi koalizzjoni biex tniedi attakki mill-ajru kontra l-ISIS kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq. Sadanittant, il-kriżi umanitarja tikber, b’miljuni jiddependu fuq l-għajnuna umanitarja.


2016 – Il-battalja għal Aleppo

L-intervent militari tar-Russja fl-2015 saħħaħ lil Assad, u biddel id-dinamika tal-gwerra. Ir-reġim jaħtaf lura bliet ewlenin bħal Aleppo, Il-battalja, li tilħaq il-qofol tagħha fl-2016, tkun ikkaratterizzata minn tattiċi brutali, inkluż bumbardamenti kontinwi. It-telfa ta’ Aleppo tkun ta’ daqqa ta’ ħarta kbira għall-Oppożizzjoni.


2017 – L-ISIS jitilfu Raqqa

F’Ottubru tal-2017, il-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) appoġġjati mill-Istati Uniti, milizzja mmexxija mill-Kurdi, rebħu mill-ġdid Raqqa, u b’mod effettiv itemmu l-kontroll tal-ISIS fuq il-kapital awtoproklamat tiegħu.

Il-gwerra tevolvi f’kunflitti diversi inkluż bejn dawk Kurdi, fit-Turkija, fil-fdalijiet li baqa’ tal-ISIS, u fir-reġim ta’ Assad.


2018 – Attakk kimiku ieħor, u tensjonijiet reġjonali

Attakk ieħor b’armi kimiċi f’Douma f’April tal-2018 jipprovoka attakki mill-ajru mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza mmirat lejn ir-reġim Sirjan.

It-Turkija tniedi operazzjoni militari kontra l-forzi Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja, li żżid it-tensjonijiet reġjonali.


2019 – Il-mewt ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-ISIS

Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-ISIS, jinqatel f’rejd tal-Istati Uniti fil-Majjistral tas-Sirja f’Ottubru tal-2019.

L-Istati Uniti tirtira wkoll xi truppi mit-Tramuntana tas-Sirja, biex b’hekk it-Turkija tniedi offensiva militari kontra l-forzi Kurdi.


2020/21 – Il-Pandemija

Il-pandemija tal-COVID-19 tagħmel il-kriżi umanitarja tas-Sirja aktar diffiċli, b’miljuni jaffaċċjaw faqar, ġuħ, u kura tas-saħħa limitata.

Assad jikkonsolida l-kontroll fuq il-biċċa l-kbira tal-pajjiż, għalkemm Idlib jibqa’ miżmum mir-ribelli protetti minn waqfien mill-ġlied fraġli bir-Russja u t-Turkija jagħmluha ta’ sensara.


2022/23 – Terremot jolqot is-Sirja u t-Turkija

Fi Frar tal-2023 terremot devastanti jolqot il-Majjistral tas-Sirja u t-Turkija, u joqtol għexieren ta’ eluf u jaggrava l-qagħda tas-Sirjani spostati. L-isforzi ta’ għajnuna internazzjonali huma mxekkla minn sfidi politiċi u loġistiċi.

Il-kunflitt jidħol f’fażi ffriżata, mingħajr soluzzjoni politika fil-viċin. Ir-reġim ta’ Assad jerġa’ jikseb rikonoxximent diplomatiku mill-istati Għarab, li jirrifletti dinamika reġjonali li dejjem qed tinbidel.


2024 – Il-gwaj umanitarju jkompli

Il-kriżi ekonomika fis-Sirja tikber, bl-inflazzjoni u n-nuqqas ta’ fuel iżidu t-tbatija.

Ġlied kontinwu f’Idlib u fiż-żoni miżmuma mill-Kurdi. Miljuni ta’ Sirjani, kemm ġewwa l-pajjiż, kif ukoll f’kampijiet tar-refuġjati, jibqgħu dipendenti fuq l-għajnuna internazzjonali.


Diċembru 2024 – Raġġ ta’ tama fl-aħħar?

Wara xhur ta’ pressjoni dejjem tikber, ir-reġim ta’ Assad jaqa’ fit-8 ta’ Diċembru, 2024, meta l-forzi tal-oppożizzjoni, immexxija minn koalizzjoni inkluż Hay’at Tahrir al-Sham, jaħtfu Damasku u bliet ewlenin tan-Nofsinhar bħal Daraa u Suwayda. 


Assad jaħrab lejn ir-Russja, u jtemm il-ħakma ta’ ħames deċennji mill-Partit Baath. Iċ-ċelebrazzjonijiet ribelli f’Damasku jissimbolizzaw it-tama ta’ era ġdida, iżda hemm sfidi li jibqgħu jippersistu hekk kif gruppi armati jiġġieldu għall-poter, u l-ħtiġijiet umanitarji jibqgħu kritiċi.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept