Studentillum
Studentillum
More

‘Tagħmel żball taħseb li Trump huwa ħabib tal-Palestina'

Il-kwistjoni minn għajnejn Eman Farrugia, attivist żagħżugħ Malti

Ma naħsibx li wieħed għandu jħares lejn il-waqfien tal-ġlied bħala t-tmiem tal-kunflitt, iżda għandu jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju, attivist Malti qal lill-STUDENTILLUM.


Eman Farrugia tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm rieda ġenwina sabiex jiġu indirizzati l-kaġuni tal-kunflitt, speċifikament it-trattament tal-poplu Palestinjan bħala inferjuri, imċaħħda mid-drittijiet umani.

Farrugia huwa attivist żagħżugħ favur il-Palestina li ilu għaddej b’ħiltu kollha sabiex joffri l-appoġġ lill-poplu Palestinjan, kemm billi jorganizza lill-poplu Malti protesti simboliċi u ġbir ta’ donazzjonijiet, kif ukoll billi jħeġġeġ sforzi diplomatiċi Maltin. 


Meta ġie mistoqsi jekk jaħsibx li ż-żewġ partijiet ħa jżommu mat-termini tal-ftehim, hu qal li dan tal-aħħar hu komuni fi gwerer f’dan ir-reġjun. 


Farrugia qabbel dan kollu mal-gwerra fis-Saħara tal-Punent tal-1991, meta l-Marokk għamel attakk aħrax kontra l-poplu Saħrawi ftit jiem biss qabel li sar ftehim tal-waqfien mill-ġlied. Huwa spjega kif il-forzi Iżraeljani jistgħu jkunu qed jużaw l-istess tattiċi sabiex idgħajfu lill-avversarji tagħhom.


“Dan ma jistax isir sakemm l-okkupazzjoni tibqa’ għaddejja u sakemm ma ssirx pressjoni mill-komunità internazzjonali sabiex din tieqaf,” reġa rrimarka. Farrugia jemmen sabiex ikun hemm verament paċi f’dan ir-reġjun, il-politika internazzjonali trid tmur oltre minn dan il-ftehim, u tappoġġja l-kawża Palestinjana kontra l-kolonizzazzjoni tal-Palestina mill-Iżraeljani, tenna Farrugia.


Fejn ħafna jemmnu li dan il-ftehim sar grazzi għall-Amerikani, Farrugia jemmen li l-gwerra kienet ħtija tal-Amerikani u tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal illi dawn il-partijiet politiċi internazzjonali kienu “minn tal-ewwel li ffinanzjaw il-kawża Iżraeljana, u li bagħtulhom armenti sabiex ikomplu l-atti ġenoċidjali tagħhom.”


“Wieħed jagħmel żball jekk jaħseb li Trump huwa ħabib tal-Palestinjani,” Farrugia żied jgħid, waqt li fakkar li l-amministrazzjoni ta’ Trump irrikonoxxiet lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana, waqt li kienet taf bl-aspirazzjonijiet espansjonisti ta’ Netanyahu.


L-ewwel pass li għandu jittieħed, skont Farrugia, huwa l-assigurazzjoni tal-għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan f’Gaża, sabiex dan jista’ jerġa’ jkollu l-ħtiġijiet bażiċi li għandu kull wieħed u waħda minna. Il-proċess ta’ sejba mill-ġdid tal-Palestina huwa wieħed li ħa jiġġebbed fuq medda ta’ snin. 


Pass ieħor importanti huwa l-paċi għall-poplu Palestinjan u l-vittmi tal-ġenoċidju. Il-Prim Ministru Iżraeljan, kif ukoll l-alleati tiegħu għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Internazzjonali Kriminali. Dan għandu jservi ta’ messaġġ li l-ġenoċidju mhuwiex tollerabbli.


In-nuqqas ta’ ġustizzja jgħaddi messaġġ li l-liġi internazzjonali ma tapplikax għal kulħadd.


Kitba ta' Ilenia Debono

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept