Jekk għal ħafna min-nies li toħroġ il-pirmli mill-pakkett hija ħaġa normali, hemm ċerti nies li jbatu sabiex joħorġuhom minn posthom. Din hi r-realtà kiefra għal nies ta’ ċerta età u dawk bi problemi ta’ mobbiltà.
Sitt żgħażagħ ħarġu b’idea ta’ prodott sabiex jiffaċilitaw dan il-proċess ta’ kuljum.
Kyle Scerri u Rhythm Garg, tnejn mis-sitta responsabbli għal kumpanija Simplex irrakkontawlna dwar dan.
Kyle qasam magħna l-bidu ta’ kollox. Kien propju fid-dar tan-nanna, fejn hu u kuġinuh kienu qed jaħsbu xi prodott jistgħu jipproduċu u jbigħu fil-kumpanija tagħhom. Fl-istess ħin, in-nanna kienet viċin tissielet sabiex toħroġ il-pirmli mill-ippakkeġġjar. Minn hemmhekk tfaċċat l-idea tal-pill poppers.
Mill-ewwel indunaw li żewġ kuġini waħedhom, ma kinux biżżejjed sabiex ifasslu dan il-proġett. Bl-għajnuna ta’ xi ħbieb, huma rnexxielhom jgħaqqdu tim tajjeb sabiex jibdew il-kumpanija Simplex.
Simplex hija ‘JA Mini Company’, li taqa’ taħt l-inizjattiva tal-‘JA Company Programme’. Din l-inizjattiva toffri studenti postsekondarji l-opportunità sabiex jibdew kumpanija huma, bl-idea u l-prodott uniku tagħhom, bl-għajnuna ta’ żgħażagħ oħra li ġa lestew il-proġetti tagħhom.
“Bdejna mixjin sew issa,” Kyle beda jirrakkonta meta ġie mistoqsi kif kienet ir-reazzjoni tas-suq għal dan il-prodott. Qaluli kif issa qed jaħdmu f’kollaborazzjoni ma’ Step Up For Parkinsons, għaqda nongovernattiva li tgħin in-nies li għandhom il-Parkinsons. Bis-saħħa ta’ din il-kollaborazzjoni, il-prodott qed jimxi aktar, u jgħin iżjed nies li jkollhom bżonnu.
Bdew jirrakkontawli kif il-proċess tal-prodott inbidel iktar minn darba. Pereżempju l-qiegħ tal-Pill Popper, fil-bidu kien aktar għat-tond. Madankollu, wara diskussjoni mal-NGO ‘Step Up For Parkinsons’ uriethom kif ċerti nies jiftħu l-pirmli bil-minkeb għalhekk aħjar jekk il-prodott ikun iżjed sod.
Simplex taħdem fuq għan filantropiku ieħor fis-soċjetà minbarra l-kollaborazzjoni ma’ Step Up For Parkinsons.
Rhythm spjegatli kif il-kumpanija għandha skema jisimha ‘Sponsor a Pill Popper’, fejn wieħed li m’għandux bżonn il-prodott jista’ xorta waħda jixtrih u l-prodott imur għand xi ħadd li għandu bżonnu fl-NGO. Qaltli, bi tbissima fuq fommha, kemm hi inizjattiva sabiħa li min hu xortih tajba, kemm fiżikament, kif ukoll finanzjarjament, jikkontribwixxi ma’ min mhuwiex daqshekk ixxurtjat.
“Id-demografija hija ħafna ikbar milli wieħed jaħseb,” stqarr Kyle. “Kien hemm domanda kbira fis-suq għall-prodott, b’influss kbir ta’ nies jixtru l-prodott fil-Milied.”
“Ċerti nies jixtru dan il-prodott għall-qraba tagħhom, kemm dawk avvanzati fl-età, dawk li għandhom problemi bl-aċċessibilità, kif ukoll nisa bid-dwiefer twal li jbatu sabiex joħorġu l-pirmli.”
Il-kumpanija tgħożż ukoll il-valuri ambjentali. Il-prodott isir minn injam li jkun ħa jiġi mormi, u minflok jingħata lill-kumpanija sabiex jerġa’ jingħata l-ħajja fil-forma tal-Pill Popper.
Minbarra l-impatt ambjentali, huma xtaqu li l-prodott jiġi meqjus minn dawk li jużawh, bħala għamara, mhux sempliċement prodott.
Huma assiguraw li l-prodott ikun nadif u sterilizzat billi japplikaw il-verniċ. Il-valuri ambjentali jidhru wkoll fil-manifattura tal-prodott, hekk kif ma tintużax għodda distruttiva fil-proċess.
Iż-żewġ żgħażagħ qasmu s-suċċess li kellha l-kumpanija fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali. Sabiex jiċċelebraw, huma bdew inizjattiva li tgħin, kemm lil Step Up For Parkinsons, kif ukoll lil negozji li jagħmlu atti umanitarji. Jekk ikun hemm negozju li jkun qed jikkontribwixxi għas-soċjetà u jisponsorja ammont ta’ ‘Pill Poppers’, il-kumpanija lesta li tippromovi lil dan in-negozju fuq il-pjattaformi tagħha. B’hekk, in-negozji jkollhom iżjed inċentiv sabiex jgħinu f’inizjattivi bħal dawn.
Kyle u Rhythm, f’isem sħabhom ukoll, semmewli s-sapport kollu li sabu waqt dan il-vjaġġ sabiex jgħinu lin-nies.
Flimkien għamlu appell lil kull min jixtieq jieħu sehem f’dan il-vjaġġ magħhom, u ħajruhom jidħlu fuq il-paġni soċjali tagħhom jew inkella fuq is-sit elettroniku tagħhom.
Kitba ta' Ilenia Debono
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.