Studentillum
Studentillum
More

‘Il-pajjiż qiegħed f’pożizzjoni aħjar minn meta bdejna’

Niltaqgħu mal-għaqdiet fil-qalba tal-komunità: Din il-ġimgħa, nitkellmu ma’ Żibel.

X’inhuma l-ikbar sfidi li qed tesperjenzaw bħalissa?

Waħda mill-akbar sfidi li qed inħossu bħalissa hija n-nuqqas ta’ spazju allokat minn fejn nistgħu noperaw u nipproċessaw l-iskart marittimu li niġbru waqt xogħolna.


Kif tirreklutaw, tħarrġu, u żżommu lill-voluntiera? 

Kull min jixtieq jikkontribwixxi jista’ jingħaqad magħna waqt il-cleanups ta’ kull xahar li jkunu miftuħin għall-pubbliku. Waqt dawn l-avvenimenti, it-tim tagħna jipprovdi struzzjonijiet sabiex ikun aċċertat li l-voluntiera jafu x’qed jagħmlu. L-iżjed ħaġa importanti hija kif aħna naħdmu mal-voluntiera. Huma jfissru kollox għall-organizzazzjoni tagħna u mingħajrhom, ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn. Aħna nittrattawhom kif irriduhom jittrattawna. 


Kemm hemm nies li għadhom lesti jiddedikaw ħinhom għall-għaqdiet soċjali? 

Hemm ħafna nies, imma wieħed irid jolqothom, isir jaf x’inhu għal qalbhom u kif din tirrelata mal-kawża tiegħek.


L-ammont ta’ żgħażagħ li qed jissieħbu magħkom qed jonqos jew jiżdied? 

Qiegħed jiżdied ... l-iżjed minħabba programmi ta’ volontarjat rikjesti mill-iskola bħas-SOK u l-SRP. Sfortunatament iż-żgħażagħ mhumiex lesti jaħdmu magħna fit-tul. Hemm ċerta apatija li qed tagħmilha iżjed diffiċli għall-individwi ddedikati li jridu jinvolvu ruħhom.


Tista’ taqsam storja jew eżempju wieħed ta’ kif l-NGO ħalliet impatt tanġibbli?

Mill-2018 s’issa, neħħejna 180 tunnellata skart minn qiegħ il-baħar u mill-kosta. Qed naraw żoni li jibqgħu nodfa u dan ifisser li qed naħdmu f’żoni tajba.


X’tip ta’ appoġġ (finanzjarju, riżorsi umani, bidliet fil-politika) jgħin lill-organizzazzjoni tagħkom tikber?

Post iddedikat u fondi jistgħu jagħmlu differenza kbira. Dawn jgħinuna nikbru, nagħtu iżjed appoġġ lill-voluntiera u lill-isponsors, waqt li nippożizzjonaw lil Malta bħala waħda mill-aħjar pajjiżi fil-ġlieda kontra l-iskart marittimu.


Kif tikkollaboraw ma’ NGOs oħra, korpi governattivi, jew negozji?

Aħna niffukaw fuq kollaborazzjonijiet fejn kulħadd jibbenefika. La l-iskart jiġi ġġenerat minn kulħadd, aħna nippruvaw naħdmu ma’ kulħadd li huwa ġenwinament lest li jikkontribwixxi b’ħinu u b’xogħlu. L-aħjar kollaborazzjonijiet huma dawk prattiċi u li fihom jibbenefika kulħadd.


Kemm hu faċli ssibu għajnuna jew koperazzjoni mill-Gvern jew mill-entitajiet?

Kultant vera diffiċli. Aħna niffukaw iżjed fuq kif nistgħu nedukaw dipartimenti tal-Gvern u nikkollaboraw fejn hu possibbli sabiex nagħmlu bidla ikbar.


X’inhuma xi kunċetti żbaljati li għandhom in-nies dwar xogħolkom? 

Ħafna nies jassumu li aħna kemm nitfaċċaw għall-cleanups, imma fil-verità, dak huwa biss terz ta’ xogħolna. Il-biċċa l-kbira ta’ xogħolna jikkonsisti f’loġistika, ippjanar, edukazzjoni u attiviżmu. Kunċett żbaljat ieħor huwa li aħna nagħmlu kollox full time, meta fil-verità, aħna kollha voluntiera b’xogħol filgħodu u x-xogħol li nagħmlu hawn joħdilna l-parti kbira mill-ħin personali tagħna.


Taħseb li hemm nuqqas ta’ interess jew nuqqas t’għarfien lejn għaqdiet bħalkom?

Iva ... għax x’jitla’ fuq il-midja qiegħed gradwalment jinbidel u aħna rridu niġġieldu sabiex insemmgħu leħinna kontra ditti b’budgets kbar.


Kieku tista’ tbiddel ħaġa waħda dwar is-settur tal-NGOs f’Malta xi tkun?

Iżjed opportunitajiet ta’ finanzjar b’inqas burokrazija, u iżjed kollaborazzjoni ma’ dipartimenti tal-Gvern.


Madwar dawn l-aħħar ħames snin, rajtu bidla kbira fil-qasam kif toperaw? 

Iva, kbirna ħafna u qed naraw il-Gvern, il-kunsilli lokali, u l-kumpaniji privati ħadu passi kbar ’il quddiem, u l-pajjiż qiegħed f’pożizzjoni aħjar minn meta bdejna. Il-pajjiż qiegħed f’pożizzjoni ħafna aħjar. Rajna wkoll iżjed organizzazzjonijiet bħal ‘Rota’ li komplew it-tradizzjoni tal-isem.


Kitba ta’ Ilenia Debono

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept