X’kienu l-affarijiet li spikkaw fix-xhur li ilek f’din il-kariga?
Min-nies t’hemm barra, din l-istennija, aktar bdejt inħossha. Kelli nissettja moħħi għal ħafna affarijiet. L-ewwel nett, kelli nissettja moħħi li hawnhekk kelli nagħmel dari. Ovvjament ridt nidra l-istaff t’hawnhekk.
Kelli nidra wkoll l-attitudni tagħhom, waqt li tinbidel tiegħi wkoll. Fil-bidu kważi kważi kont naħtafhom għaliex dawn kienu l-ħin kollu jaraw kif se jfissduni, u jien il-fsied, la trabbejt bih, u wisq aktar sibtu meta kbirt.
Allura dik kienet, u tiskanta, qed insemmiha għax kien ġustament li kien jirrikjedi anke xi ftit ta’ analiżi min-naħa tiegħi, fuq għaliex qed jiġri hekk, għaliex qed ninnervja kważi mix-xejn.
Min-naħa l-oħra, kien hemm ukoll xi affarijiet li kellhom x’jaqsmu mar-residenza. Kont għedt li nixtieq li din tkun il-presidenza tan-nies, u n-nies ġew. Kull min kien jitlob anke biex jiltaqa’, assoċjazzjonijiet, NGOs, bl-iskop soċjali, jiena għamilt ħilti kollha biex ma ngħid le lil ħadd. Minnhom kelli esperjenzi, ta’ x’qed jaħsbu n-nies, ta’ x’jixtiequ. Sew f’oqsma partikolari, u wkoll b’mod ġenerali.
Fil-fatt, inħoss li għalkemm illum għandna l-midja aktar mifruxa, in-nies jixtiequ jkunu aktar u aktar qrib lejn min qiegħed fit-tmexxija. Għalija huwa ta’ sodisfazzjon illi nara li l-mexxejja, jew min jipprospetta li jkun mexxej, idur man-nies. Biss, naħseb li hemm bżonn ninżlu fosthom, niftħulhom aktar il-bibien, u nħallu lilhom jitkellmu.
Jista’ jkun li minħabba li l-president mhux figura eletta, jaraw fiha persuna li jistgħu jafdaw aktar, għax fiha jsibu aktar onestà u integrità?
Jista’ jkun, imma jien naħseb illi l-poplu, dak li jħoss, ma’ kulħadd jgħidu, u ma kulħadd jgħidu l-istess. Jien li qed ngħid huwa li kien hemm ċertu għatx biex jiftħu qalbhom u jitkellmu.
Naħseb vallapena għal kull min irid, kull ċertu żmien, ipoġġi lilu nnifsu quddiem l-elettorat, li jiltaqa’ aktar fil-qrib man-nies, u jħallu lilhom jitkellmu. Din nenfasizzaha ta! Iridu jħallu lilhom jitkellmu.
Hemm ir-realtà li l-President u l-presidenza mhux eżekuttivi. Jiġifieri jistgħu jifhmu l-problema, imma s-soluzzjoni mhux f’idejhom. Dik ma tiffrustrakx?
Mhux kwistjoni ta’ frustrazzjoni, għaliex l-irwol ta’ president, kif inhu fl-ambitu tal-kostituzzjoni, nifhmu. Ma tantx jien tal-opinjoni, imma se noqgħod attenta kif nitkellem biex ma nkunx interpretata fuq ċerti affarijiet li jistgħu jiżviluppaw ’il quddiem, jew ikun hemm xi diskussjoni.
Imma l-irwol tal-President, fis-sitwazzjoni kostituzzjonali tagħna, huwa rwol li jimxi wara l-kwinti. Jista’ jeżerċita influwenza, minn wara l-kwinti, imma naħseb, u din nenfasizzaha meta jkun hemm ċerta stennija min-naħa tan-nies, li s-soluzzjonijiet mhumiex f’idejn il-President.
Imma iva, jista’ minn wara l-kwinti jagħti ħjiel, ta’ x’qed jinħass hemm barra. Imma le mhux f’idejn il-President. Meta tifhem x’inhu l-irwol tiegħek, m’għandek tħoss l-ebda frustrazzjoni. Jista’ jkun xorta influwenti, u naħseb li hemm iktar lok, illi meta aħna, ċerti nies li qegħdin fuq quddiem ta’ dan il-pajjiż, nifhmu u nidraw aktar lil xulxin.
Din hija silta mill-intervista li l-preżentatur tal-programm Xtra, Saviour Balzan, kellu mal-Eċċellenza Tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono.
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.