Studentillum
Studentillum
More

Armatura tas-Samuraj esebita fl-Expo 2025

L-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal minn delegazzjoni Ġappuniża

 Tliet armaturi tas-Samuraj Ġappuniżi, li kienu ngħataw lil Malta fl-1862 bħala parti minn missjoni diplomatika, ġew restawrati bir-reqqa u magħqudin mill-ġdid minn konservaturi esperti fil-Ġappun.


B’turija ta’ diplomazija kulturali fl-aqwa tagħha, waħda mill-armaturi tas-Samuraj – flimkien ma’ armatura oħra minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann – se jkunu għall-wiri fil-Padiljun Malti fl-Expo 2025 f’Osaka, Kansai, proprju f’għeluq is-60 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ġappun. 


Fil-padiljun ta’ Malta se jkunu esebiti wkoll repliki tal-Figura Neolitika Bilqiegħda, il-Ġebla ta’ Majmuna, u ċ-Ċippus ta’ Żmien il-Feniċi, biex jirrappreżentaw l-istorja multikulturali ta’ pajjiżna. 


L-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret Malta u li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun. 


Kien ukoll il-fundatur tal-Università Keio f’Tokjo u sa ftit ilu kien jidher fuq il-karta tal-10,000 yen Ġappuniż. 


Id-delegazzjoni kienet parti mill-Missjoni Bunkyu, li kellha l-għan li tinnegozja trattati ġodda u ħadet sehem f’laqgħat diplomatiċi madwar l-Ewropa kollha. 


Waqfa f’Malta kienet ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza. Din kienet l-ewwel żjara rekordjata ta’ nies Ġappuniżi f’Malta. 


Minn ritratti tas-seklu 19, jidher li waħda mill-armaturi kienet għall-wiri fl-Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-armatura ttieħdet fi mħażen taħt l-art biex tkun imħarsa mill-bombi. 


B’xorti ħażina, minħabba li kienet esposta għall-umdità għal żmien twil, il-partijiet organiċi tagħha therrew u għal deċennji sħaħ l-armatura ma setgħetx tiġi esebita. 


Billi ma nstab l-ebda espert f’Malta u fil-bqija tal-Ewropa li kien kapaċi jirrestawra dawn l-artefatti, l-armaturi tas-Samuraj baqgħu maħżuna fil-kaxxi tagħhom sakemm fl-2016 inbeda kapitlu ġdid għalihom.


Il-proċess tar-restawr kien ikkaratterizzat minn attenzjoni kbira biex jiġu ppreservati l-materjal u t-teknika oriġinali. 


Tul dan il-proċess instab li dawk li kienu maħsubin li huma l-partijiet ta’ żewġ armaturi, fil-fatt kienu jinkludu l-partijiet ta’ armatura oħra li ma kinitx iddokumentata. 


Din kienet sejba affaxxinanti minna nnifisha. 

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept