Studentillum
Studentillum

Ġurnata ma’ BirdLife Malta waqt Spring Watch

Dan il-ġurnal ingħaqad mal-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara

JAELLE BORG


Fil-5:30 ta’ filgħodu tat-Tlieta, din il-gazzetta ngħaqdet ma’ tim ta’ BirdLife Malta hekk kif il-voluntiera bdew jinġabru f’punt ta’ laqgħa qabel ma telqu lejn diversi hotspots tal-kaċċa madwar Malta bħala parti mill-operazzjoni Spring Watch.


Ir-ronda kienet immexxija mill-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara flimkien ma’ Alice Tribe, koordinatriċi tal-Konservazzjoni, li matul in-nofsinhar tat-Tlieta kienu qed jikkordinaw osservazzjonijiet f’żoni differenti tal-kampanja Maltija.


L-ewwel pjan kien li t-tim imur lejn il-Madliena, iżda minħabba bidla fid-direzzjoni tar-riħ, il-pjan kellu jinbidel fl-aħħar minuta u t-timijiet tqassmu lejn postijiet oħra, fosthom l-inħawi tar-Rabat u żoni rurali oħra magħrufa għall-attività tal-kaċċa.


BirdLife Malta torganizza Spring Watch kull sena matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. L-operazzjoni tinvolvi timijiet ta’ bejn żewġ u erba’ voluntiera mqassmin madwar Malta u Għawdex f’punti strateġiċi li jagħtu fuq hotspots magħrufa tal-kaċċa. L-għan huwa li josservaw l-attività tal-kaċċaturi u jirrappurtaw kwalunkwe illegalità lill-awtoritajiet.


L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fetaħ fit-13 ta’ April u dam tliet ġimgħat, sat-3 ta’ Mejju. Matul dan il-perjodu, il-kaċċa għall-gamiem u s-summien hija permessa taħt regolamenti speċifiċi, filwaqt li speċi oħra migratorji jibqgħu protetti bil-liġi.


Hekk kif beda jidher l-ewwel dawl tax-xemx, diversi kaċċaturi setgħu jidhru mifruxa fuq għelieqi u għoljiet differenti fil-kampanja. Permezz ta’ trombi, it-tim ta’ BirdLife Malta beda josserva l-attività minn distanza.


Waqt ir-ronda, it-tim osserva allegata illegalità relatata ma’ dik li tissejjaħ bird calling.


Bird calling hija prattika illegali li tinvolvi l-użu ta’ apparat elettroniku jew tekniku li jimita l-ħsejjes tal-għasafar biex jiġbduhom lejn iż-żona tal-kaċċa, sabiex ikunu aktar faċli biex jintlaqtu.


Malli ġiet identifikata l-attività, ikkuntattjaw immedjatament lill-awtoritajiet biex jirrappurtaw il-każ u taw id-dettalji tal-post fejn kien qed jinstema’ l-apparat.


Madankollu, l-awtoritajiet ma laħqux wasslu fuq il-post hekk kif il-persuna allegatament involuta kienet diġà telqet wara li ndunat li kienet qed tiġi osservata.


Matul din il-ġurnata din il-gazzetta osservat ukoll diversi mumenti ta’ tensjoni.


Permezz ta’ trombi setgħu jiġu osservati xi individwi jagħmlu ġesti offensivi fid-direzzjoni tal-ħaddiema ta’ BirdLife Malta waqt li dawn kienu qed josservaw iż-żoni tal-kaċċa.


Nicholas Barbara spjega kif dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex iżolati u li kull sena xi voluntiera jiltaqgħu ma’ ostilità jew intimidazzjoni waqt l-operazzjonijiet ta’ Spring Watch.


Huwa qal li minkejja dawn l-esperjenzi, jibqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom biex jiddokumentaw dak li jkun qed iseħħ matul l-istaġun tal-kaċċa u biex jirrappurtaw kwalunkwe illegalità lill-awtoritajiet.


BirdLife Malta ilha snin twissi dwar l-impatt tal-kaċċa illegali fuq dawn l-ispeċi migratorji, partikolarment waqt ir-rebbiegħa meta l-għasafar ikunu qed jirritornaw lejn l-Ewropa.


Fi stqarrija maħruġa fi tmiem l-istaġun tal-kaċċa, BirdLife Malta qalet li matul din is-sena ġew irkuprati mill-inqas 14-il għasfur bi ġrieħi kkawżati minn tiri ta’ senter, fosthom diversi speċi protetti bħal seqer tal-passa, pagu, kokka u bufula żgħira. 


L-organizzazzjoni qalet ukoll li l-illegalitajiet żdiedu b’mod partikolari matul l-aħħar ġimgħa u nofs tal-istaġun, filwaqt li sostniet li l-preżenza tal-infurzar għadha insuffiċjenti biex twaqqaf il-qtil illegali ta’ għasafar protetti. 


BirdLife Malta semmiet ukoll każ ta’ seqer li kien ġie rriabilitat wara li kien intlaqat illegalment is-sena li għaddiet u li aktar tard instab mejjet wara li t-tracker tiegħu waqaf f’miżieb waqt l-istaġun tal-kaċċa. 


Hekk kif bdiet tavvanza l-ġurnata u l-kampanja bdiet timtela aktar moviment, it-timijiet ta’ Spring Watch komplew jissorveljaw iż-żoni tagħhom, lesti biex jirrappurtaw kwalunkwe illegalità oħra li setgħet isseħħ.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2026 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept