Studentillum
Studentillum
More
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, permezz tat-Taqsima tal-Libreriji tal-Iskejjel, premjat lill-I

Iċ-ċerimonja tal-Iskejjel Promoturi tal-Kotba u l-Qari

Minn Mark Camilleri

Senior Manager mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu


Nhar it-Tnejn, 26 ta’ Mejju, 2025, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, permezz tat-Taqsima tal-Libreriji tal-Iskejjel, organizzat ċerimonja fl-Iskola ta’ San Ġwakkin, Wied il-Għajn, fil-Kulleġġ ta’ San Tumas More li fiha ppremjat lill-iskejjel Promoturi tal-Kotba (Book Champion Schools) bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tal-Ktieb 2025.


Matul din iċ-ċerimonja, l-Aġenzija qassmet il-premjijiet lil 92 skola primarja, medja u sekondarja li qed jippromovu b’mod regolari l-kotba, il-qari u l-litteriżmu fost l-istudenti u l-edukaturi tagħhom. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija, jiġifieri tad-deheb, fidda u bronż, ingħataw ċertifikat u kupun biex jixtru aktar kotba tal-qari. Ħames skejjel ingħataw il-Premju tal-Bronż, 22 skola ngħataw il-Premju tal-Fidda u 67 skola ngħataw il-Premju tad-Deheb. 


Fiċ-ċerimonja saru diskorsi qosra mill-Kap tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, is-Sur David Muscat, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas More, is-Sur George Psaila u d-Direttur taċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta, il-Professur Charles Mifsud. L-istudenti tat-tielet sena, immexxija mill-edukaturi tal-iskola primarja ta’ San Ġwakkin Marsaskala, tellgħu reċta bl-isem ‘Theo and the Box of Crayons’ fl-istess avveniment.

    Sa minn meta bdiet issir din iċ-ċelebrazzjoni fl-2017 l-Aġenzija tat il-Premju tal-Bronż lil 61 student/a, il-Premju tal-Fidda lil 162 student u l-Premju tad-Deheb lil 354 student ta’ etajiet differenti mill-iskejjel u ċ-ċentri tal-kindergarten tas-setturi kollha. 


    Fiċ-ċerimonja tas-26 ta’ Mejju ġew ippremjati wkoll l-edukaturi u l-istudenti mill-ewwel sena tal-kindergarten sal-ħdax-il sena tas-sekondarja li ġew l-ewwel, it-tieni u t-tielet fid-diversi kompetizzjonijiet tal-Jum Dinji tal-Ktieb 2025 imtellgħin mill-Aġenzija. Ir-rebbieħa ta’ kull sena tal-iskola ngħataw ċertifikat u kupun li jissarraf f’kotba u riżorsi tal-litteriżmu. Fil-kompetizzjonijiet ta’ din is-sena ħadu sehem 1,264 ruħ bejn edukaturi u student. 


    Minn mindu bdiet issir din il-kompetizzjoni mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, tqassmu 8,522 premju lit-tfal tal-iskejjel primarji u 3,391 premju lil studenti tal-iskejjel medji u sekondarji. Din is-sena l-aktar skola li kellha rebbieħa kienet l-iskola ta’ San Franġisk, tar-Rabat Għawdex, b’erba’ rebbieħa f’kategoriji differenti tal-primarja. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tirringrazzja lill-għalliema, l-edukaturi u l-mexxejja tal-iskejjel li jħabirku biex iħeġġu l-qari u l-imħabba għall-kotba.

    • Home

    Studentillum

    Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

    This website uses cookies.

    We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

    Accept