L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu torganizza attivitajiet ta’ kitba magħrufa bħala Xalati ta’ Kitba. Dawn ix-xalati jsiru kull xahar u huma maħsuba għal studenti li jkunu mit-tielet sas-sitt sena tal-primarja.
L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li tgħin lit-tfal itejbu l-abilitajiet tagħhom fil-kitba, kemm bil-Malti, kif ukoll bl-Ingliż, filwaqt li jgawdu postijiet ta’ interess kulturali, ambjentali jew rikreattivi. Matul dawn l-attivitajiet, il-ġenituri jiġu mistiedna jsegwu, jipparteċipaw u jitgħallmu kif jistgħu jassistu lit-tfal tagħhom fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-kitba.
F’dawn l-aħħar xhur, ix-Xalati ta’ Kitba saru f’diversi mkejjen madwar Malta. Xalata minnhom, ta’ Ottubru, saret bi sħab ma’ Ambjent Malta fil-Park ta’ Kennedy Grove, is-Salini. Dan huwa spazju miftuħ fejn it-tfal jistgħu jitgħallmu u jiktbu f’ambjent rilassanti, imdawra bis-siġar u l-arbuxxelli, fl-isfond tas-Salini storiċi; atmosfera li għamlet din l-esperjenza edukattiva aktar pjaċevoli għat-tfal u l-ġenituri tagħhom.
F’Novembru, imbagħad, kien imiss Forti Rikasoli, il-Kalkara. Din il-forti storika, li hija waħda mill-akbar fortifikazzjonijiet f’Malta, fiha fdalijiet storiċi u arkitettoniċi uniċi. It-tfal li attendew dix-xalata gawdew is-sbuħija u s-sens ta’ misteru ta’ dan il-post. Bis-saħħa ta’ Screen Malta, il-parteċipanti setgħu wkoll jaraw partijiet mis-sett tal-film ‘Gladiator 2’, li ħafna minnu nġibed propju ġo din il-forti.
1/3
Is-sena 2024 spiċċat b’attività ġewwa l-Parlament ta’ Malta, fejn is-sessjoni kienet marbuta ma’ wirja tal-presepji li għammret fil-Parlament l-Għaqda Ħbieb tal-Presepji.
Dan il-post prestiġjuż offra opportunità unika lit-tfal biex jiddiskutu u jiktbu dwar it-tradizzjoni, l-istorja u l-arti tal-presepji Maltin. Dawn l-attivitajiet raw parteċipazzjoni attiva ta’ aktar minn 30 student u l-ġenituri/kustodji tagħhom.
Fix-xhur li ġejjin l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu għandha mħejjija Xalati f’Ħaġar Qim, b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, u fil-gżira t’Għawdex, fil-Kappella ta’ San Dimitri, l-Għarb.
Nirringrazzjaw lil dawk l-entitajiet li jissieħbu magħna f’dawn l-inizjattivi u lit-tuturi tal-kitba li jmexxu s-sessjonijiet b’tant kreattività u passjoni.
Barra minn hekk, l-Aġenzija torganizza wkoll sessjonijiet speċjali ta’ taħdit, qari, kitba u riflessjoni bl-isem Bil-Qari u l-Kitba nsib Spazju għal Qalbi. Dawn is-sessjonijiet jiffokaw fuq l-aspett spiritwali tal-istudenti. L-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet issir b’kollaborazzjoni ma’ Spiritual Development in Schools tal-Kurja. Fl-aħħar erba’ xhur tas-sena 2024 saru sessjonijiet fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa u fil-Bajja tal-Mistra, il-Mellieħa. Tmienja u tletin student u daqstant ieħor ġenituri, ipparteċipaw f’dawn is-sessjonijiet.
Ix-Xalati ta’ Kitba u s-sessjonijiet ta’ Spazju għal Qalbi huma eżempji ċari ta’ kif l-edukazzjoni tista’ tkun esperjenza pjaċevoli u rilassanti filwaqt li fl-istess ħin tgħin lit-tfal jikbru f’kittieba kapaċi u kunfidenti.
Ruth Calleja - Amministratriċi, L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.