Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Frar 2025, filgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, nieda uffiċjalment il-logħba ‘Mal-Għoxrin’, logħba edukattiva li hija frott ta’ proġett ta’ ġemellaġġ bejn żewġ klassijiet tas-sitt sena minn żewġ skejjel: l-Iskola Primarja tal-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu, u l-Iskola Primarja Dr Frans Chetcuti Skola ta’ Ħaż-Żabbar fil-Kulleġġ Santa Margerita.
It-tnedija saret fil-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu, bis-sehem tal-kapijiet tal-iskejjel rispettivi, l-għalliema u, fuq kollox, l-istudenti nfushom li ħadmu fuq din ir-riżorsa. Kemm qabel, kif ukoll waqt it-tnedija, intwera filmat tal-istudenti jilagħbu din il-logħba, filwaqt li l-logħba ntlagħbet ukoll dak il-ħin stess, fil-preżenza tal-Ministru, il-membri tal-amministrazzjoni tal-iskejjel rispettivi, l-għalliema u uffiċjali tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ De La Salle, is-Sur Nicolai Mifsud, tkellem dwar din il-logħba, segwit mis-Sur Stephen Cachia, id-Direttur tal-Kulleġġ De La Salle. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Clifton Grima, għalaq din it-tnedija b’kelmtejn ta’ ringrazzjament.
Il-logħba ‘Mal-Għoxrin’ se titqassam fl-iskejjel mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bil-għan li l-istudenti jilagħbu din il-logħba bejniethom u flimkien mal-għalliema rispettivi, tagħhom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, mal-istudenti
1/2
Il-logħba tgħin lill-istudenti jitgħarrfu dwar aspetti differenti tal-kultura Maltija, ngħidu aħna, il-festi, ikel tradizzjonali, personalitajiet magħrufa u postijiet ta’ interess u storiċi. Permezz tal-logħba, l-istudenti se jkollhom ukoll l-opportunità jużaw mezzi differenti ta’ tagħlim: il-kitba, l-illustrazzjonijiet, kif ukoll il-kodiċi QR.
Il-kaxxa tal-logħba hija magħmula minn 6 mazzi ta’ kards (30 kard f’kull mazz), damma, klessidra; u karta bl-istruzzjonijiet. Xi wħud mill-karti għandhom ukoll kodiċi QR b’filmati, ritratti jew illustrazzjonijiet diġitali.
L-illustrazzjonijiet ta’ din ir-riżorsa nħolqu minn Sarah Pisani, f’kollaborazzjoni mas-Sur Wayne Farrugia mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u l-għalliema tal-iskejjel rispettivi. Il-logħba ġiet ippubblikata mill-BDL u Horizons u kienet iffinanzjata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
L-Aġenzija tirringrazzja b’mod partikolari lill-għalliema Glorianne Agius, Rita Azzopardi, Sarah Borg u Franklan Debono li kienu l-moħħ wara din l-inizjattiva. Ta’ min ifakkar li sa mit-twaqqif tagħha fl-2014, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu kienet involuta fil-ħolqien ta’ madwar 30 logħba edukattiva bil-Malti.
Kitba ta’ David Muscat
Kap tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.