Studentillum
Studentillum
More

Skont id-daqqa niżfnu

Episodju 3 ta’ Etimoloġija

Ġieli segwejtuh il-programm Etimoloġija fuq TVM? Il-programm diġà daħal fir-raba’ staġun tiegħu u f’din is-sena diġà ltqajna ma’ bosta kliem u espressjonijiet bil-Malti ħalli nifhmu minn fejn ġej. Infatti l-etimoloġisti, jiġifieri dawk in-nies li jistudjaw l-etimoloġija, jieħdu interess u jistudjaw dwar l-oriġini u l-iżvilupp storiku tal-kliem.


Fl-ewwel episodju tal-programm ħarisna lejn żewġ kelmiet li ntrabtu mat-tema tad-daqq. Grazzi għall-mistieden Dwayne Ellul, fl-ewwel rokna tal-programm ġiet spjegata l-etimoloġija tal-kelma daqq u r-rabta diretta bejn daqq u dqiq. 


Min-naħa l-oħra, fit-tieni rokna tal-programm, Ġużi Gatt tkellem dwar it-tifsira tal-kelma skotti, li nsibuha użata l-aktar fl-espressjoni ddoqq l-iskotti, ngħidu aħna xita ddoqq l-iskotti jew meta taqla’ xebgħa ddoqq l-iskotti.


Il-bniedem, sa minn żminijiet primittivi, kien jesperimenta bil-ħsejjes, kemm biex jinftiehem, kif ukoll biex joħloq briju u divertiment. Infatti, il-lingwa u l-mużika huma mezz ta’ komunikazzjoni universali li esperimenta bihom kulħadd, inkluż l-aktar tribujiet imbiegħda fid-dinja. Tant hu hekk, illi meta l-bniedem primittiv kien għadu orfni mill-għodod sofistikati, hu pproduċa ħsejjes b’daqqiet differenti, billi, ngħidu aħna, iħabbat żewġt izkuk ma’ xulxin, iġebbed xi kordi stirati, jew saħansitra jonfoħ ġo xi qasba mitluqa li jsib mal-art. Kien proprju b’dan id-daqq esperimentali li ġew maħluqin l-ewwel strumenti mużikali biex ikunu jistgħu jakkumpanjaw il-vuċi tal-bniedem stess.


Matul iż-żmien, id-daqq kif nafuh illum kompla jirfina. Hawn min kapaċi jdoqq strument tal-banda jew strument mużikali ieħor, hawn min kapaċi jdoqq il-qniepen, hawn min idoqq il-mużika fuq ir-radju, jew dj’s li kapaċi jdoqqu f’xi diskoteka jew f’tieġ bl-għodod mekkaniċi tagħhom.


Fil-lingwa Maltija nsibu qwiel sbieħ li fihom insibu l-verb daqq. Ġieli smajtu lil min jgħid li mara bla żaqq bħal tieġ bla daqq? Hawn irridu nżommu f’moħħna ż-żmien u l-kuntest ta’ meta ngħad dan il-qawl qabel niftħu l-kanuni kollha kontra min jużah. It-tifsira tiegħu hija li jekk il-mara ma jkollhiex tfal, iż-żwieġ tagħha ma jkunx hieni. Kif nafu tajjeb, dak iż-żmien il-familji kien ikollhom ħafna aktar tfal mil-lum u allura kienu jaħsbuha li hemm xi ħaġa nieqsa jew wara ż-żwieġ il-mara ma jkollhiex tfal. 


Żewġt iqwiel oħra marbutin mad-daqq u mal-istess tifsira ta’ “to play” huma jew iddoqq jew tiżfen u qatt iddoqq bit-trumbetta ta’ ħaddieħor. Il-qawl jew iddoqq jew tiżfen jurina li ħafna drabi diffiċli tlaħħaq ma’ żewġ affarijiet f’daqqa, waqt li qatt iddoqq bit-trumbetta ta’ ħaddieħor ifisser li m’għandekx tiftaħar b’xogħol ħaddieħor. 


Hemm ukoll diversi espressjonijiet li nużaw marbutin mal-verb daqq. Din id-diska ma ddoqqlix ngħidu għal meta nisimgħu biċċa mużika li ma tkunx familjari magħha. U jekk xi ħaġa ma ddoqqx għal widnejk sinjal li ma tkunx ħadt pjaċir biha. 


Niftakar ukoll żmien meta dari l-ġenituri kellhom idhom aktar ħafifa u ma kinux jaħsbuha darbtejn biex jerfgħu idhom fuq uliedhom biex jikkoreġuhom. L-istess kien jiġri f’kuntest aktar edukattiv meta l-għalliema kien jagħtu daqqtejn lill-istudenti tagħhom biex isikktuhom. F’dawn iż-żewġ każijiet kienet u għadha tintuża l-espressjoni daqqlu daqqtejn tajba talli qagħad imqareb. 


U intom tafu aktar espressjonijiet li fihom indaħħlu l-kelma daqq? Jekk iva, tiddejqux tniżżluhom ukoll fuq xi pitazz jew fuq id-djarju personali tagħkom ħalli ssaħħu l-vokabularju tagħkom u jkollkom Malti idjomatiku aħjar. 

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept