Nilqgħukom għal rokna oħra marbuta mal-programm Etimoloġija, il-programm fejn nogħdsu f’nisel il-kliem biex nifhmu aħjar l-istorja tiegħu.
Fit-tielet episodju tkellimna fuq espressjoni u kelma marbutin mal-flus. Sephora Francalanza laqqgħetna mal-oriġini tal-kelma Ċisk li ngħiduha spiss fl-espressjoni popolari “mela ħsibtni ċ-Ċisk?!”. Wara, Ġużi Gatt għaddielna informazzjoni dwar il-kelma rbiegħi li wkoll għandha rabtiet mal-flus għax hija munita antika li aħna żgur ma niftakruhiex.
Ġieli qalulek li qisek iċ-Ċisk? Jew ġieli għedt lil xi ħadd li int m’intix iċ-Ċisk u allura ma taffordjax ċerti affarijiet? Min hu dan iċ-Ċisk li qed jissemma f’dawn l-espressjonijiet? Inċidentalment, il-kelma Ċisk hija korruzzjoni tal-kelma Ingliża cheques li meta niesna kienu jippruvaw jgħiduha, ilsienhom jidher li ma kienx idurilhom sew, b’konsegwenza li minn cheques ġiet Ċisk!
Il-flus f’idejn il-bniedem minn dejjem kienu importanti biex ikun jista’ jgħix komdu u jagħmel dak li tixtieq qalbu. Il-Malti jgħid li bil-flus tagħmel triq fil-baħar jew bla flus la tgħannaq u lanqas tbus!
Min-naħa l-oħra l-istorja wriet kemm il-flus jafu jkunu perikolużi jekk ma jiġux amministrati sew. Għal tletin biċċa tal-fidda Ġuda tradixxa lil Ġesù, u hawn min saħansitra seraq, qatel jew inqatel ħabba l-flus. Sewwa kienu jgħidu ommijietna u missirijietna li l-flus huma mitraħ tax-xewk jew li l-flus huma passaport għall-infern għax jekk ma toqgħodx attent jafu jġibuk fil-għali.
Twissijiet oħra utli marbutin mal-flus insibuhom fil-qwiel bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna, u, il-flus urihom id-dlam biex juruk id-dawl. Għalkemm, kif għedna, il-flus huma importanti f’din il-ħajja, la mmutu m’aħniex se neħduhom magħna, inkunu kemm inkunu sinjuri. Bil-qawl il-flus urihom id-dlam biex juruk id-dawl, niesna riedu jfakkruna fuq l-importanza tat-tfaddil u għandna nkunu bilgħaqal bihom ħalli meta niġu bżonnhom insibuhom.
F’dan il-programm tkellimna wkoll fuq il-kelma rbiegħi li, kif diġà semmejna, l-irbiegħi hija munita antika użata sew fil-gżejjer Maltin. Jekk issaqsu lin-nanniet tagħkom hemm ċans qawwi li jkunu jafu biha għax m’ilhiex il-mijiet tas-snin li nqatgħet!
Sa mit twaqqif tal Bank Ċentrali ta’ Malta fl-1968, il-Bank ħa f’idejh ir-responsabbiltà għall-ħruġ u l-kontroll tal-karti tal-flus u tal-muniti f’Malta. L-ewwel serje tal-karti tal-flus Maltin kienet ħarġet mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’Settembru tal-1969. Imma l-irbajja’, il-plural tal-kelma rbiegħi, huma muniti li jmorru qabel din id-data.
Jekk pereżempju, immorru lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, ftit wara l-1530, l-Ordni beda jaħseb biex jintroduċi l-muniti tiegħu bħala l-flus li kellhom jintużaw fil-gżejjer Maltin. Il-valur kien stabbilih fuq l-istess tip ta’ muniti li kienu jiċċirkulaw fi Sqallija.
L-akbar munita li kienet tiswa dak iż-żmien kienet iz-zekkin. Din kienet munita tad-deheb u kienet tiswa erba’ skudi u tliet tari. Wara z-zekkin kien hemm l-iskudi. Skud jiswa tnax-il taro jew 240 ħabba.
Kultant għadek tisma’ l-qawl aħjar ħabib fis-suq milli mitt skud fis-senduq. Dan ifakkarna fuq il-valur tal-ħbieb li jaf ikun aktar imprezzabbli mill-flus. Wara l-iskudi nsibu t-taro li jiswa żewġ karlini jew għoxrin ħabba. Wara nsibu l-Karlin li għandu l-valur ta’ żewġ ċinkwini jew għaxar ħabbiet. Ma jiswiex Karlin għadna ngħidu għal min ma tistax tafdah jew ma jagħmilx xogħlu sew.
Fi żmien l-Ordni kien hemm ukoll il-ħabba, bil-plural ħabbiet. Il-ħabba kienet munita tar-ram u baqgħet magħna anki fi żmien l-Ingliżi. Għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-Maltin kienu jħallsu biha.
Għalkemm ma kinitx tiswa ħafna, kull ħabba kienet importanti għal missirijietna biex ikunu jistgħu jgħixu. Biex nieħdu idea kemm il-valur tagħha kien baxx nistgħu nsemmu l-qwiel għal ħabba jqaxxar qamla jew għal ħabba bżar tilef il-borma. Kont tisma’ wkoll lil min jgħid li bil-ħabba l-ħabba tikber u titrabba, jiġifieri li l-fqir irid ibati ħafna biex jegħleb l-iżvantaġġi tal-faqar tiegħu u jitla’ fis-soċjetà.
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.