Studentillum
Studentillum
More

Min moħħ ir-riħ u min idur ma’ kull riħ!

Episodju 4 ta’ Etimoloġija

Nilqgħukom għal rokna oħra marbuta mal-programm Etimoloġija, il-programm fejn nogħdsu f’nisel il-kliem biex nifhmu aħjar l-istorja tiegħu. 


Il-bniedem, anki jekk jiċħadha, hu kkondizzjonat mill-mod ta’ kif ikun it-temp aktar milli jaħseb hu. Hawn Maltin li jmorrulek ġimgħa l-Iskozja jew l-Ingilterra u għax jinzertaw temp ċlampu jew milwiem jaqgħu ħażin u jisħtu l-istilla ħażina li twieldu fiha. L-istess jiġri hawn Malta meta r-riħ iħalli impatt qawwi fuq il-burdata tagħna, fuq saħħitna u fuq għemilna, tant li jikkundizzjonalna l-ġurnata tagħna. 


Fil-fatt, min ibati bil-burdati nqabbluh mar-riħ. Min ikun kuntent, wiċċu għad-dawl, ngħidu, “Illum riħ fuq!”. Imma meta jkollu l-gdiedem u ma jkunx irid kliem, ngħidu, “Illum riħ isfel!”. Ir-riħ fuq jindika riħ li ġej normalment mill-Punent jew mill-Majjistral, riħ frisk u pjaċevoli; ir-riħ isfel hu dak tan-Nofsinhar u li bih tħossok skomdu jekk mhux imdejjaq ukoll.


It-tema tar-raba’ programm kienet fuq ir-riħ, b’enfasi fuq l-etimoloġija tal-ismijiet li jiffurmaw il-warda tal-irjieħ bil-Malti. Samuel Cutajar kellimna fuq in-nisel tal-irjiħat maġġuri: It-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Punent, u l-Lvant, u fuq l-irjieħ sekondarji: Il-Grigal, il-Majjistral, il-Lbiċ, u x-Xlokk. Interessanti li minn dawn l-irjieħ sekondarji, taqta’ barra l-Lbiċ, noħorġu nomi bis-suffiss -ata bħal grigalata, majjistralata u xlokkata, li lkoll juru riħ qawwi ġej minn dik id-direzzjoni. 


L-irjieħ huma ta’ importanza kbira għalina l-bnedmin. Tara rġiel u nisa tad-dar jiċċekkjaw it-temp u r-riħ qabel jaħslu jew jonxru. Tara bdiewa joqogħdu b’seba’ mitt għajn għar-riħ ħalli ma jagħmlilhomx ħsarat fl-uċuħ tar-raba’ tagħhom. Tara sajjieda u għawwiema jiċċekkjaw ir-riħ qabel joħorġu għas-sajda tagħhom jew għall-għawma tal-ġurnata. 


Ma nistax ma nsemmix lill-baħħara, speċjalment ta’ dari meta l-bastimenti kienu għadhom tal-qlugħ. Il-ħobża ta’ kuljum tagħhom tiddependi mir-riħ għax għandhom bżonn il-koperazzjoni tiegħu biex jiġu evitati perikli żejda. 


Ir-riħ jista’ jkun impoppa, jiġifieri ġej minn wara l-bastiment u allura jtih daqqa t’id. Din, b’mod figurattiv, tintuża bejnietna meta xi ħadd tidħaklu x-xorti u jkun fortunat. L-oppost tagħha mbagħad jissejjaħ riħ impruwa, jiġifieri riħ li ġej mill-quddiem tal-bastiment. 


Meta tkun qed tgħum tista’ tgħum favur jew kontra r-riħ. Meta tgħum favur ir-riħ m’għandekx tagħmel wisq sforz biex tidħol lura, iżda biex taqdef kontra r-riħ trid tistinka ħafna aktar. Ninnutaw ukoll kemm fil-lingwaġġ tagħna numanizzaw spiss lir-riħ u nagħtuh kwalitajiet umani. Ir-riħ jista’ jdur, jiġifieri filli jkun jonfoħ minn direzzjoni, u filli jaqleb għal direzzjoni oħra. Hemm aħna! Għadni kif użajt jonfoħ. 


Din ukoll hi kwalità oħra fejn lir-riħ nippersonifikawh daqslikieku huwa bniedem li qed jagħmel moviment ’il barra mill-fomm. Tista’ tmur f’żona, ngħidu aħna qrib l-irdum jew fuq għolja, fejn ir-riħ jaħkem, jiġifieri jkun ħafna aktar preżenti u pjuttost qawwi. Ir-riħ, fost ħafna kwalitajiet oħra, jista’ wkoll iqum, jikkalma jew jieqaf. 


U xi ngħidu għall-espressjonijiet idjomatiċi marbutin mar-riħ? Tafu tagħmlu lista ta’ qwiel u idjomi marbutin mar-riħ? Ejja nispjegaw biss it-tnejn li użajna fit-titlu! Min hu moħħ ir-riħ huwa immatur u bla esperjenza, waqt li xi ħadd li jdur ma’ kull riħ insejħulu wkoll pinnur għax mhux konsistenti u jżomm ma’ min jaqbillu!

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept