Nilqgħukom għal rokna oħra marbuta mal-programm Etimoloġija, il-programm fejn nogħdsu f’nisel il-kliem biex nifhmu aħjar l-istorja tiegħu.
Fil-ħarġa ta’ xahar ilu tkellimna fuq l-ismijiet tal-warda tal-irjieħ bil-Malti. Fil-ħarġa ta’ StudentIllum ta’ dan ix-xahar se nibqgħu ukoll mat-tema tat-temp u l-irjiħat iżda se nwessgħu ftit l-orizzonti tagħna u mmissu l-aktar mal-aspett letterarju ta’ din it-tema.
Fl-ewwel parti tal-programm, David Aloisio se jkellimna fuq il-kunċett tal-fallaċja patetika li jintuża fil-letteratura, proprju meta t-temp jew il-klima jispiċċaw jimxu id f’id mal-burdata, l-emozzjoni jew is-sitwazzjoni li jkun għaddej fiha karattru fi storja.
Fit-tieni parti tal-programm, Norbert Bugeja se jkellimna dwar ir-rabta li nsibu bejn il-kelmiet riħ u ruħ.
Nibdew bil-fallaċja patetika. Ġieli semmejtuh fil-klassi dan it-terminu letterarju? Meta nisma’ bil-fallaċja patetika – bl-Ingliż pathetic fallacy – ħsiebi jmur mill-ewwel fil-films ta’ Walt Disney u l-films tat-tfal.
Minkejja li l-udjenza mira kienet it-tfal, kemm-il darba naraw mumenti meta t-temp jissimbolizza karattru jew sitwazzjoni. Insemmi pereżempju Snow White and the Seven Dwarfs. Qatt innutajtu li meta tidher is-saħħara l-kattiva hi tkun akkumpanjata minn ħafna xita jew ragħad? Jew pereżempju fil-film Beauty and the Beast, meta jmut il-bestja, osservajtu li x-xita kienet kontinwa biex tkompli żżid mal-atmosfera ta’ biki u swied il-qalb?
L-istess nosservaw fil-film Bambi. Meta omm Bambi tiġi maqtula minn kaċċatur, l-atmosfera ta’ swied il-qalb toħroġ b’aktar saħħa permezz tas-siġar kollha mneżżgħin ħalli turi dak li qed tħoss iċ-ċkejkna Bambi. B’mod simili meta fil-film The Lion King miet missier Simba, is-siġar ukoll kienu għerja u l-atmosfera ta’ swied il-qalb minħabba l-mewt tidher ukoll biċ-ċpar baxx u n-nuqqas ta’ kuluri vivaċi. Min-naħa l-oħra meta l-films jispiċċaw fuq nota pożittiva, spiss tara xeni b’temp ċar u safi, b’veduti panoramiċi tax-xemx jew tal-baħar li jagħtu ħjiel b’saħħtu lill-qarrej li kollox għadda b’wiċċ il-ġid.
Fit-tieni parti tal-programm Norbert Bugeja se jaqbad mar-rabta bejn il-pari riħ u ruħ. Xahar ilu semmejna bosta espressjonijiet marbutin mar-riħ, ngħidu aħna riħ fuq jew riħ isfel, u riħ impoppa jew ruħ impruwa.
Għedna wkoll li tista’ tgħum favur jew kontra r-riħ. Umanizzajna wkoll lir-riħ u għedna li r-riħ jista’ jonfoħ, jaħkem, iqum, jikkalma jew jieqaf. U xi ngħidu għal dak il-bniedem li jdur ma’ kull riħ? Xi ħadd hekk mhuwiex leali, pereżempju, lejn it-twemmin tiegħu jew lejn xi tim li miegħu jżomm, u żgur li mhux ta’ min jorbot fuqu.
Infatti l-Malti jgħid li bniedem għaqli ma jdurx ma’ kull riħ. U ġieli smajtu l-qawl li b’riħ jew riefnu, b’xi ħaġa rridu nsiefru? Dan ifisser li xi darba jew oħra, b’xi ħaġa rridu mmutu.
Fil-Malti nsibu wkoll espressjonijiet marbuta mal-kelma ruħ. Sforz kemm ruħna tingħata importanza fil-ġisem uman, ilsienna hu mogħni b’idjomi li spiss ninqabdu ngħiduhom fid-diskors ta’ kuljum. Bniedem tar-ruħ ikollu karattru tajjeb iżda bniedem bla ruħ ikun kattiv u ma jaħsbihiex darbtejn biex iwettaq il-ħażin. Fil-ħajja tista’ ġġib ruħek sew jew ħażin.
U int li qed taqra dan l-artiklu, tqis lilek innifsek bniedem fuq ruħek mimli b’ħafna enerġija jew bniedem kalm u introvert? Jekk tmur f’attività fejn ma jkun hemm ħadd ngħidu li m’hemmx ruħ jew ma tarax ruħ. Mentri jekk tgħid xi ħaġa f’qalbek u ma tkun trid lil ħadd jisimgħek tkun għedtha bejnek u bejn ruħek.
Jekk tidħol għal xi ħaġa b’ruħek u b’ġismek tkun dħaltilha b’kulm’għandek u għandek tgħin ruħek biex Alla jgħinek. Ġieli ltqajtu ma’ xi ħadd li jħobb jistieden ruħu b’idejh? Ma tantx tarah ħelu ħa ngħidlek! Jew ġieli ltqajtu ma’ xi ħadd iffurtunat li kemm-il darba jiskansa l-perikli jew il-mewt minn quddiem għajnejh? F’dak il-każ ngħidu li għandu sebat erwieħ!
U la qed insemmu l-mewt, xi ħadd li jkun radd ruħu jkun miet, u meta ngħidu li ħallejtni nistenna bħal ruħ fil-purgatorju, inkunu qed infissru li tkun ħallejtni lampa stampa nistenna waħdi. Taf aktar espressjonijiet bil-kelma ruħ? Inħallu f’idejkom biex taħsbu fuq oħrajn!
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.