Studentillum
Studentillum
More

Il-kitba li tarmi d-dawl

Episodju 6 ta’ Etimoloġija

Nilqgħukom għal rokna oħra marbuta mal-programm Etimoloġija, il-programm fejn nogħdsu f’nisel il-kliem biex nifhmu aħjar l-istorja tiegħu. 


Fil-ħarġa ta’ StudentIllum ta’ dan ix-xahar se nitkellmu fuq it-tema tad-dawl għax se nitkellmu fuq il-kelmiet musbieħ u luċelettrika. 


Id-dawl naturali, jew kif ġieli nsejħulu llum il-ġurnata d-dawl tal-Bambin, ilu jeżisti mill-bidu tal-ħolqien. 

Bla dubju, għalija dan hu l-isbaħ dawl u nippreferi lilu mid-dwal artifiċjali. 


Maż-żmien kien hemm tentattivi biex jiġi żviluppat id-dawl artifiċjali li llum qajla noqogħdu mingħajru. 

Intom bħali ttikom raskom kif jinqata’ d-dawl, speċjalment fis-sajf? 


It-televixin, il-fannijiet u l-arja kkundizzjonata, il-friġġ u l-friża, il-laptop u l-mowbajls kollha jiddependu mid-dawl! Mhux ta’ b’xejn li ma noqogħdux mingħajru! 


Id-dawl artifiċjali spiċċa jiġri warajna matul in-nhar u l-lejl, u qiegħed magħna b’għafsa ta’ buttuna ’l bogħod.


Dari, hawn Malta, din il-kumdità ma kinitx preżenti f’niesna. L-imsiebaħ u l-lampi tal-pitrolju kienu r-realtà komuni fid-djar Maltin. Fit-toroq konna nsibu l-kebbiesa tal-fanali li b’dedikazzjoni kbira kienu jixegħlu u jitfu l-fanali fit-toroq tagħna. 


Il-musbieħ, għalkemm m’għadniex nużawh wisq minħabba li l-użu tiegħu naqas kważi għalkollox, jibqa’ ffossilizzat f’xi qwiel Maltin. 


Ħa naqsam magħkom xi wħud. “Għall-fqir il-qamar musbieħ u l-basal tuffieħ.” 


Dan il-qawl ifisser li l-fqir xortih ħażina u butu ma jiflaħx lanqas l-affarijiet meħtieġa għall-ħajja, la dawl (il-musbieħ) u lanqas frott (it-tuffieħ). 


Qawl ieħor bil-kelma musbieħ huwa “il-musbieħ ġewwa l-imnara u l-għarusa ġewwa darha.” 


Niesna riedu jfissru li post l-għarusa friska hu f’dar żewġha u mhux f’tal-ġenituri tagħha. U xi ngħidu għall-qawl “sakemm iż-żejt fil-musbieħ, taqtax il-jies”? Ġieli smajtuh? 


Kelma oħra għal jies hija tama u b’hekk missirijietna u ommijietna b’dan il-qawl riedu jfissru li l-età ma tfisser xejn għax sakemm hemm il-ħajja wieħed għandu jibqa’ jittama. 


Kelma oħra marbuta mat-tema tad-dawl li tkellimna dwarha u dwar l-etimoloġija tagħha kienet luċelettrika. 


Magħkom l-adolexxenti jaf mhix daqstant popolari minħabba l-użu ristrett tagħha, imma persważ li għad hawn min jiftakarha użata b’mod ħaj jew ġieli ltaqa’ magħha fil-kotba.


F’kuntrast mad-dawl tax-xemx u d-dawl tal-qamar, id-dawl provdut mill-elettriku ma jiġix b’xejn u meta nikkonsmawh irridu nħallsu għalih meta jiġi l-kont tad-dawl! 


Meta nitkellmu fuq id-dawl nirrealizzaw li għandna ħafna espressjonijiet sbieħ fil-Malti li nużawhom kuljum. Wiċċu għad-dawl ngħidu għal min ikun kuntent u tarah bi tbissima ħelwa fuq wiċċu. 


Meta wieħed ikun qed jgħatti d-dawl artifiċjali lil xi ħadd, ngħidu aħna waqt xi logħba boċċi jew waqt li jkun qed jaqra xi ktieb, tisma’ lil min jgħid biex ma joqgħodlux fid-dawl jew biex jersaqlu mid-dawl. 


Fotografu tajjeb konxju jekk ritratt iridx jieħdu favur jew kontra d-dawl. Meta wieħed jgħaddilu l-inkwiet li jkollu jew ikun frisk minn xi qatgħa xagħar qasira wiċċu jkun ħa d-dawl, jiġifieri ħa r-ruħ, ikun qed iħossu aħjar, jew l-espressjonijiet ta’ wiċċu joħorġu aħjar sforz kemm jibda jidher iżgħar fl-età. 


Għal min għandu għajnejh sbieħ u jixegħlu tisma’ lil min jgħid li għajnejh jarmu d-dawl. 


Min-naħa l-oħra meta wieħed ikun tilef il-vista u ma baqax jara, ikun tilef id-dawl t’għajnejh.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept