Nilqgħukom għal rokna oħra marbuta mal-programm Etimoloġija, il-programm fejn nogħdsu f’nisel il-kliem biex nifhmu aħjar l-istorja tiegħu.
Fil-ħarġa ta’ StudentIllum ta’ dan ix-xahar se nitkellmu fuq emozzjonijiet kuntrastanti li jgħaddi minnhom il-bniedem tad-demm u l-laħam. Infatti f’episodju 7 ta’ Etimoloġija ltqajna ma’ Dwayne Ellul li kellimna fuq il-kelmiet għors u tieġ, waqt li fit-tieni parti, George Farrugia kellimna fuq il-kelma newwieħa.
Naħseb bħalissa qed tgħidu bejnkom u bejn ruħkom “imma għors għandha l-għ?” jew “Mhux ors niktbu?” U għandkom raġun thewdnu fuqha għax il-ħoss /ors/ jinkiteb b’żewġ modi. Il-kelma għors li se nitkellmu fuqha fl-ewwel rokna tal-programm, li tinkiteb bl-għ fuq quddiem, m’għandniex inħawduha mal-ors l-annimal. Għors proprjament tfisser festa ta’ tieġ u allura hija okkażjoni li ġġib magħha l-ferħ. Illum żammejna t-tifsira ta’ gost u pjaċir bħal meta ngħidu li huwa l-għors tiegħi naqsam magħkom tagħrif utli f’dan il-programm.
Il-kelma għors għandha tfakkarna wkoll fil-kelma għarus, li wkoll tinkludi t-tliet konsonanti tal-għerq għ-r-s. Jekk immorru lura fiż-żmien, irridu nħarsu lejn il-kultura Maltija minn għajn differenti mil-lum. Żmien l-għerusija u żmien in-newwieħa ħalla marka fuq il-folklor Malti, u llum qajla jgħaddilna minn moħħna kemm kienu differenti l-affarijiet fl-imgħoddi. Illum, kull min hu għarus, nistgħu ngħidu li jkun qed joħroġ ma’ xi ħadd u jkun ilu li ltaqa’ mal-kumpann tiegħu.
Dari, il-kunċett ta’ għerusija kien differenti ħafna. L-għerusija, li kienet magħrufa wkoll bħala r-rabta, kienet issir l-ewwel darba li l-għarus jidħol għand il-familja tal-għarusa. Żmien in-namrar kien assenti għax qabel dan il-mument bilkemm kien ikun ra wiċċ it-tfajla tiegħu minn qabel! Anki l-fatt li l-ġenituri jew il-kappillan tar-raħal kien ikollhom l-aħħar kelma fl-għażla tal-għarus jew l-għarusa!
Nerġgħu lura għall-emozzjonijiet kuntrastanti … Ħajjitna hija mimlija tlajja’ u nżul, daqqa nesperjenzaw mumenti ta’ ferħ u daqqa bil-kontra. Dik il-persuna li tesperjenza l-ferħ ngħidu li tkun hienja, kuntenta, u wiċċha għad-dawl. Tkun għaddejja minn perjodu feliċi u żgur li tkun sodisfatta u għal qalbha. Jekk dan il-ferħ ikun ħafna aktar qawwi tisma’ lil min jgħid li l-bniedem ikun ewforiku jew estatiku.
Min-naħa l-oħra wara d-daħk jiġi l-biki jgħid il-Malti! F’dan l-episodju tkellimna wkoll dwar il-kelma newwieħa. Ġieli smajtuha? U jekk iva tafu x’kienu jagħmlu n-newwieħa? Jekk qatt ma smajtuha imma tafu xi tfisser il-kelma newwaħ, tistgħu tagħmlu konnessjoni bejn il-verb u n-nom?
Kif uħud minnkom tafu, meta tnewwaħ tkun qed tibki.
Allura n-newwieħa jiġu dawk li jnewħu. Imma għaliex kienu jnewħu?
Din id-drawwa tan-newwieħa toħodna lura minn qabel ma ġiet l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta u saħansitra kienet teżisti sa minn żminijiet klassiċi wkoll fl-Ewropa imma aktar mifruxa fost l-Għarab u tribujiet oħra fl-Afrika. In-newwieħa kienu appuntu nisa mikrijin apposta li f’funeral xogħolhom kien li joqogħdu jibku apposta biex juru d-dispjaċir li jġib miegħu l-mewt.
U la qed insemmu l-mewt ippermettuli ngħid kelmtejn fuq il-lingwaġġ imżewwaq marbut mal-mewt. Il-mewt sfortunatament ma jista’ jaħrabha ħadd u meta jsejħilna ma nistgħu nagħmlu xejn biex nevitawha. Madankollu meta nħossuna skomdi nitkellmu fuqha jew nipprovaw nevitaw li nużaw il-kelma diretta miet, spiss ninqdew bl-ewfemiżmi biex intaffu mit-toqol li jġib miegħu dan il-verb.
Ngħidu ħalla d-dinja jew ħalliena, marret id-dinja l-oħra jew marret għand il-Bambin biex nevitaw li nsemmu li t-tali jew it-talija mietu. Jew tisma’ lil min jgħid ukoll li għalqu għajnejhom darba għal dejjem, li għalqilhom iċ-ċens jew li ntfitilhom ix-xemgħa.
Minkejja li hu suġġett kemxejn delikat u jaf iġib naqra diqa, interessanti wkoll li l-Malti ħasiblu għal xi espressjonijiet għal meta xi ħadd ikun wasal fl-aħħar jiem ta’ ħajtu. Ngħidu mhux għal magħna, qiegħed fl-għafja tal-mewt, bil-griżma, wasal fl-aħħar, jew qiegħed ħażin f’każ li l-bniedem ikun fit-tarf ta’ ħajtu.
Jekk għandkom aktar kurżità ssiru tafu dwar l-etimoloġija tal-kelmiet għors, tieġ, u newwieħa, inħeġġiġkom issegwu s-seba’ programm ta’ Etimoloġija hawn:
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.