Studentillum
Studentillum
More

Raniero Borg jaf qiegħ il-baħar iżjed mit-toroq ta’ Malta

Il-vjaġġ tiegħu biex jilħaq bugħaddas beda minn kors tal-għads li gradwa fih

Il-vjaġġ tiegħu biex jilħaq bugħaddas beda minn kors tal-għads li gradwa fih iżda kienet il-fużjoni ta’ din il-passjoni mat-teknoloġija li tassew wasslitu jżanżan id-delizzju.


Għal Raniero, l-iskoperta tal-GoPro kienet rivoluzzjonarja. Din il-kamera ċkejkna fetħet il-bieb għall-possibbiltà li individwi jirrekordjaw filmati f’ambjenti estremi fosthom taħt l-ibħra. “Min ivvinta din il-kamera kien bravu immens,” irrimarka Raniero, filwaqt li rrikonoxxa l-irwol ċentrali li kellha t-teknoloġija fl-avventuri tiegħu taħt l-ilma. Madankollu, hekk kif approfondixxa l-misteri tal-baħar, 


Raniero ma setax jinjora ż-żieda allarmanti tat-tniġġis tal-plastik li qed jifga l-ekosistemi tal-baħar. Determinat li jagħmel differenza, ħalef li juża d-delizzju tal-għads mhux biss għall-esplorazzjoni, iżda wkoll għall-konservazzjoni.


Ġurnata tipika għal Raniero tibda bi ppjanar metikoluż u verifika tat-temp, rutina familjari għad-dilettanti ta’ kwalunkwe passatemp. Staqsejtu kemm it-temp jaffetwalu r-rutina, b’Raniero jispjega li għal grazzja t’Alla pajjiżna għandu tendenza li jkollu temp ideali, minkejja li xi drabi tiġi dik il-ġurnata b’riħ qawwi. Raniero spjega li jdur madwarha billi jżur ix-xtut ta’ madwar il-gżejjer Maltin: “Malta almenu tajba mhux bħall-Awstralja li hija enormi, Malta żgħira, hekk ir-riħ jiġi minn naħa, tmur max-xatt li jilqa’ r-riħ,” temm jgħid Raniero.


Huwa qal li tipikament jippjana ma’ ħabib ir-rotta tal-għadsa, kemm jista’ jkun f’postijiet differenti. L-apparat jikkonsisti f’wet suit, ċilindru jew tnejn, arloġġ, kompjuter li jikkalkula l-fond u r-rata ideali tal-għadsa. 


Iżda għalfejn hemm il-bżonn ta’ kompjuter biex jikkalkula l-għadsa? Raniero spjega li l-għaddasa jitilgħu u jinżlu bil-mod biex jevitaw il-mard tad-dekompressjoni, magħruf ukoll bħala “the bends”. Din il-kundizzjoni sseħħ meta n-nitroġenu assorbit fid-demm bi pressjoni għolja jifforma bżieżaq hekk kif l-għaddas jitla’ malajr u jikkawża wġigħ u problemi serji ta’ saħħa. Axxendenti gradwali jippermetti lill-ġisem jirrilaxxa n-nitroġenu b’mod sikur, u jimminimizza r-riskju ta’ mard ta’ dekompressjoni. 


Raniero semma li riċentement, flimkien ma’ sħabu, xtara apparat ġdid li mistenni jtejjiblu l-esperjenza. Dan l-apparat jgħidulu underwater scooter; mutur b’turbina li żżomm miegħu biex jimbuttak b’veloċità (bħal scooter). Raniero spjega li dan l-apparat huwa kisba importanti minħabba l-fatt li ħafna min-nifs f’għadsa jintuża fil-qdif, iżda grazzi għal dan l-apparat, il-ħin biex tasal bejn post u ieħor jonqos filwaqt li tiġi ppreservata aħjar l-arja taċ-ċilindru. “Kelli minnhom qabel, imma dan li xtrajt Ferrari kkumparat ma’ dak li għandi preżentement li qisu mini minor”. Huwa kompla jgħid li tipikament jinżel bejn 60-65 metru taħt l-ilma.


“Kieku nista’ mmur kuljum imma bħal dejjem niġġieled kontra l-ħin. Jien għadni naħdem ukoll minkejja l-età ta’ 65,” qal Raniero.


Imma għaliex Raniero jippersisti f’dan l-insegwiment impenjattiv, speċjalment fl-età ta’ 65 sena? It-tweġiba tiegħu hija sempliċi iżda profonda: kull għadsa hija opportunità biex tħalli l-baħar aktar nadif milli ssibu. Fil-fatt Raniero darba minnhom waħdu tella’ mal-2,000 tajer tal-karozzi mill-baħar, kif ukoll 10 karozzi fiċ-Ċirkewwa. 


Pjuttost waħda mill-ikbar kisbiet ta’ Raniero kienet meta ssalvagwardja “Is-Sikka l-Bajda”; sikka kbira mimlija għerien żgħar u xquq, b’għoli ta’ madwar 10 metri f’xi postijiet u mdawra bi rdum li jista’ jinżel mas-70 metru. Xi żoni ramlija huma parzjalment miksija bil-ħaxix tal-baħar, filwaqt li oħrajn huma vojta u bilkemm esplorati. 


Raniero spjega li frekwentement il-bastimenti jankraw mas-sikka, iżda darba fost l-oħrajn, b’mod irresponsabbli, bastiment ankra mas-sikka bil-konsegwenza li ċarrat u qala’ l-blat minn postu.


“Darba kien hemm erba’ vapuri ssekwestrati. Kienu ilhom xahar. Indunajt li qed jagħmlu ħsara. Inżilt waħdi mal-ankra, għandi filmat ukoll, u tara l-blat imkisser, u mbagħad irnexxieli kont parti minn laqgħa fuq din l-affari u ħadu azzjoni. Kulma kellhom jagħmlu huwa li jimxu ftit metri ’l bogħod fejn hemm iż-żrar”.


Madankollu, fost l-isfidi, hemm mumenti taʼ ferħ. Huwa qal li waqt li jkun qed isuq b’veloċità bid-dgħajsa, spiss jiġu d-dniefel jaqdfu miegħu. “Trid tkun għaddej bil-veloċità, malli taqta’ l-gass jaħarbu jiġru, imma sakemm tkun qed issuq tarahom jaqbżu u jilagħbu”.


Wieħed mill-aktar proġetti għeżież ta’ Raniero huwa l-“Kristu tal-Baħħara”. Din hi statwa li tissimbolizza l-protezzjoni u l-gwida għall-baħħara. Maħsuba bħala ġieħ għaż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta, din l-istatwa sservi ta’ xempju għall-għaddasa, b’dirgħajha mifruxa tilqa’ lil kull min jidħol fil-fond.


Finalment Raniero semmieli l-Kristu tal-Baħħara, statwa twila tliet metri, li turi lil Ġesù Kristu jifrex dirgħajh, jipproteġi lill-baħħara. Il-“Kristu tal-Baħħara” kienet l-idea ta’ Raniero li ssuġġerixxa l-proġett bħala mod biex titfakkar l-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta fl-1990. Din kienet iddisinjata u magħmula mill-iskultur Malti ta’ talent Alfred Camilleri Cauchi li rnexxielu jagħmel l-istatwa f’inqas minn ħames xhur. 


“Il-pjan kien li l-Papa jberikha u jitlaq, imma l-Papa ma riedx jitlaq, għamel xi nofs siegħa! Illum il-ġurnata hija mniżżla bħala dive site imma ċċaqalqet għall-Qawra għax fejn l-istatwi tqiegħdu l-fish farms”.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept