Studentillum
Studentillum
More

Il-filugranu u l-intelliġenza artifiċjali

Kevin Attard ilu jipprattika d-delizzju tal-filugranu għal dawn l-aħħar 22 sena

L-arti tal-filugranu bdiet fl-Eġittu iżda nfirxet madwar pajjiżi tal-Mediterran inkluż f’Malta. Il-filugranu huwa tip ta’ ġojjellerija li tinħadem bil-wires tal-fidda, deheb jew ramm. Iltqajt ma’ Kevin Attard, filugranist ta’ 22 sena esperjenza li tani togħma ta’ dan id-delizzju tant maħbub mill-Maltin u mit-turisti.


Attard beda billi spjega kif jinħadam il-filugranu, hekk kif hemm erba’ fażijiet biex isir il-filugranu; tgħawweġ u tlesti l-frejm, timla l-frejm, tissaldja kollox, u finalment tnaddaf. 


Minn strixxa tal-metall, Attard ittrasformaha f’forom differenti permezz ta’ riga u pinzetta għall-preċiżjoni bħal kirurgu tal-metall, u jerġa’ jirrepeti l-istess proċess filwaqt li jdaħħal il-ħadid ġo xulxin. 


Staqsejnih fuq il-preferenza tiegħu bejn it-tliet materjali, b’Attard iwieġeb il-fidda minħabba li “jobdi iktar” mill-metalli l-oħrajn. Minn hemm smajt iċ-ċekċik tal-għodod differenti, filwaqt li qeleb bejn l-għodod u osservajt lil Attard jixgħel it-torċ u jżid taħlita ta’ trab fin (copper, silver u brass) bl-għan li l-ħadid differenti jiżżewweġ u jsir ħaġa waħda. Finalment iżid daqqa ta’ bolla permezz ta’ hallmark, timbru mikroskopiku li jġorr il-firma tiegħu, u jimmarka l-kwalità tal-biċċa fejn imbagħad inaddafha bil-kimiċi u jillostraha bil-broxk.


Għal Attard, il-passjoni lejn dan id-delizzju bdiet ta’ 13-il sena wara li talab ħabib ta’ missieru biex jgħallmu l-filugranu. “Tgħallimt pjuttost malajr u kelli l-inkoraġġiment tal-ġenituri. Barra minn hekk kelli wkoll l-għodda u ta’ 15-il sena bdejt inbigħ.” Staqsejtu minn fejn issawwar l-interess li jaħdem il-filugranu, b’Attard jispjega kif sa minn tfulitu minn dejjem jiftakar jinteressa ruħu f’attivitajiet tal-id bħat-tpinġija u krafts fost oħrajn.


Attard qal li l-maġġoranza tax-xogħol jinbiegħ lit-turisti fil-ħanut tal-Belt Auberge iżda wkoll lill-Maltin, speċjalment filugranu relatat mal-knisja jew l-arma tal-kunjomijiet tal-familja. 


Minħabba d-dipendenza qawwija li x-xogħol għandu fuq it-turist, staqsejtu kemm affettwatu l-pandemija u ngħid il-verità stennejt risposta tipika ta’ iva, iżda l-perseveranza ta’ Attard għamlitha possibbli biex ikompli bil-ħidma tiegħu b’differenza. “Fl-ewwel xahar kien xokk mhux mistenni u għamilt xahar limitat, però wara biddilt l-istrateġija għax qabel kont naħdem għall-ħwienet u s-swieq lokali – naturalment bil-COVID-19 ma stajtx inkompli nbigħ hemm – u għalhekk bdejt inkun iktar innovattiv u għamilt filugranu astratt permezz tal-għajnuna tal-intellġenza artifiċjali (IA) fejn wara li nkun issottomettejtlu ritratt ta’ filugranu, l-IA tagħtini interpretazzjoni amplifikata u naħdem biċċa xogħol ġdida ispirata mill-IA, u grazzi għal hekk nemmen li ma kienx żmien diffiċli għalija.”


Barra minn hekk, Attard ilu jgħallem għal 22 sena u joffri korsijiet bl-għan li jgħaddi l-għerf li kiseb matul is-snin u biex, bħall-ħabib ta’ missieru, jgħaddi d-delizzju għal ġenerazzjonijiet futuri hekk kif saħaq li l-ikbar sodisfazzjon għalih huwa meta jara l-filugranu tal-istudenti tiegħu.


“Illum il-ġurnata kunfidenti nagħmel xi ħaġa li jitolbuni. Li kieku intervistajtni għaxar snin ilu ma kontx intik din ir-risposta u issa qed ngħaddi l-esperjenza tiegħi lil ħaddieħor.”


Differenti minn xi artisti li qed iwarrbu t-teknoloġija speċjalment l-IA, Attard spjega kif din hija għodda ġdida unika, differenti mill-għodda ta’ żmien li ilha fuq il-mejda tal-filugranu, għodda diġitali li tintrigah, u għalhekk jara x’jista’ jagħmel biha. 


B’ħarsa lejn il-futur, Attard jemmen li l-filugranu għaddej fi tranżizzjoni li sejjer fid-direzzjoni tat-teknoloġija hekk kif qed jinħoloq filugranu ġdid maħluq, kemm minn magni tal-lasers, li bi preċiżjoni assoluta jaqtgħu l-ħadid (xi ħaġa li diġà qed juża u jesperimenta), kif ukoll permezz tad-3D printing, li similarment bħal printer tad-dar, bi pjanta diġitali tista’ toħloq oġġett tridimensjonali.

  • Home

Studentillum

Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.

This website uses cookies.

We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.

Accept