Fid-dinja kummerċjali tal-lum, wieħed jista’ jixtri kollox b’għafsa ta’ buttuna bi prezz baxx minn pjattaformi li jiffaċilitaw dan il-proċess li qed isiru iżjed popolari.
Madankollu, dawn l-aħħar snin qed tiġi mrawma kuxjenza ambjentali fiż-żgħażagħ li qed tikkumbatti l-mewġa tan-nies li qed jonfqu ġidhom fuq dawn is-siti tal-fast fashion.
Allura, il-moda sostenibbli x’post għandha f’dan iż-żmien? Kemm għadna nagħtu valur lill-ħwejjeġ? Nafu minn fejn u kif verament qed isiru dawn il-ħwejjeġ?
X’inhi l-fast fashion?
Din il-moda tipproduċi ħwejjeġ skont x’inhu popolari fid-dinja tal-moda b’mod eċċessiv u irħis sabiex jinbiegħu qabel ma tgħaddi l-moda.
Minbarra t-thrift stores, sfortunatament, siti li jużaw dawn il-prattiċi qed isiru aktar u aktar popolari minħabba l-prezzijiet baxxi li joffru lill-konsumatur.
Il-fast fashion toħloq kultura ta’ skart, hekk kif meta toħroġ moda ġdida, il-konsumatur huwa mħajjar jarmi li għandu sabiex jixtri iżjed.
Jekk il-konsumatur ma jarmix minħabba l-moda, xorta ħa jispiċċa jarmi minħabba l-kwalità baxxa tal-ħwejjeġ.
Id-dinja kollha tikkonsma madwar 62 miljun tunnellata fi skart relatat mal-moda. Sal-2030, dan in-numru mistenni jogħla għal madwar 102 miljun tunnellata. L-industrija tal-moda tammonta għal 8.1% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
Id-ditti tal-fast fashion għandhom effett negattiv ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż jekk il-fabbrika tkun stabbilita.
Dawn il-fabbriki jħaddmu ħafna nies b’konsegwenza li jġibu l-ekonomija dipendenti fuq il-kumpanija barranija u b’hekk il-kumpanija jkollha ħafna poter fuq il-Gvern lokali.
B’hekk, jekk il-kumpanija tiddeċiedi li titlaq, ħa toħloq ħafna qgħad u numru kbir tal-profitti tagħha jmorru lura fil-pajjiż fejn il-kumpanija tkun qed topera.
Barra minn hekk, ħafna minn dawn il-kumpaniji li jipproduċu l-ħwejjeġ ikunu jaħqru lill-ħaddiema tagħhom b’kundizzjonijiet orribbli u pagi baxxi fi sweatshops. Il-ħwejjeġ li jipproduċu jkunu ta’ kwalità baxxa sabiex iħajru lil dak li jkun biex jixtri iżjed ħwejjeġ.
L-UE ppubblikat it-2022 EU Strategy for Sustainable and Circular Textiles li tgħin lill-pajjiżi tal-UE jiġġieldu kontra l-mewġa tal-fast fashion minn aspett ambjentali li toffri lill-konsumatur iżjed informazzjoni.
X’inhi l-moda sostenibbli?
Dan il-moviment, predominanti qalb iż-żgħażagħ, jenfasizza l-bżonn t’avvanzi fil-qasam ambjentali u soċjali rigward kif qed isiru l-ħwejjeġ mill-kumpaniji l-kbar u kif jinbiegħu. Barra minn hekk, hemm dawk ukoll li jemmnu li hemm wisq ħwejjeġ li qed jintremew.
Għalhekk, hemm min qed iħit ħwejjeġ imqattgħin fi ħwejjeġ oħra, jew dawk li minflok jarmu qed jagħtu l-ħwejjeġ tagħhom bħala donazzjoni.
Moda ġdida li qed issir iktar popolari fuq il-midja soċjali hija t-thrift stores jew second hand stores.
Dawn ikunu ħwienet li jbigħu affarijiet second hand għal raġunijiet ambjentali, bi prezz baxx għal kulħadd.
F’Malta, il-kunċett ta’ thrift stores mhuwiex daqshekk popolari, imma hawn ħafna ħwienet tal-karità (charity shops) li jbigħu affarijiet diġà użati bi prezz baxx bl-għan ta’ karità.
Il-moda sostenibbli ma jfissirx biss li tixtri second hand, imma wkoll kemm tixtri, mingħand min tixtri u x’tixtri.
Il-moda sostenibbli tgħin l-ekonomija lokali wkoll, hekk kif meta wieħed jiddeċiedi li jixtri minn ditti lokali li jipprattikaw prattiċi etiċi u ambjentali jkun qed jgħin kumpaniji lokali qalb il-mewġ ta’ kumpaniji kbar li jipproduċu bla rażan.
Prattiċi tal-moda sostenibbli li wieħed jista’ jaddotta
Aspett importanti tal-moda sostenibbli huwa minn fejn wieħed jixtri l-ħwejjeġ. Wieħed jista’ jevita jixtri mingħand ditti li jipprattikaw il-fast fashion, u minflok idur għal ħwienet bi ħwejjeġ magħmulin b’mod li jirrispettaw l-ambjent u l-etika.
Barra minn hekk, wieħed jista’ jixtri ħwejjeġ mingħand it-thrift stores jew jagħti ħwejjeġ antiki li m’għadux juża lil dawn il-ħwienet.
Kitba ta’ Ilenia Debono
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.