Biex tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha, nhar it-23 ta Mejju, is-St Paul’s Metropolitan Orchestra se tesegwixxi il-kompożizzjoni ta’ Maestro Mark Agius Lullaby for Birkenau – A Mass for Peace. Din ir-rappreżentazzjoni; li se titmexxa mill-kompożitur stess, se ssir fil-Katidral tal-Imdina u se tkun taħt il-patroċinju tal-Prinċep Sandor Habsburg Lothringen li huwa l-patrun ewlieni tal-orkestra.
Din il-kompożizzjoni, oriġinarjament kellha tittella’ fil-Katidral ta’ San Ġwann f’Varsavja fil-Polonja, imma dan il-ħsieb kellu jitwarrab minħabba li kienet faqqgħet l-epidemija tal-Covid-19.
Il-kompożitur Mark Agius ispira ruħu għal din il-kompożizzjoni minn żjara li kien għamel fil-kampijiet ta’ konċentrament ta’ Auschwitz u Birkenau f’Novembru tal-2016. Hija dedikata lill-vittmi innoċenti tal-gwerra, partikularmernt il-vittmi tal-ġenoċidju u ta’ dawk il-gruppi etniċi li ħarbu minn pajjizhom u marru jfittxu kenn f’pajjiżi oħrajn.
Bħall-kompozizzjoni War Requiem ta’ Benjamin Britten u War Requien ta’ Karl Jenkins, Lullaby for Birkenau – A Mass for Peace li hija essenzjalment kompożizzjoni mużikali kontra l-gwerra, hija bbażata fuq il-kliem tal-quddiesa, li Agius jikkombina ma’ sorsi reliġjużi oħrajn, partikolarment is-salmi u siltiet mit-Testment il-Ġdid. Hija karba kontra l-atroċitajiet tal-gwerra, liema karba hija espressa permezz tal-orkestrazzjoni drammatika u dinamika li titħallat ma’ mumenti ta’ riflessjoni u appelli għall-paċi biex id-dinja ma terġax tgħaddi minn dak li għaddiet.
Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Ġenoċidji tkopri aktar minn 50 każ ta’ ġenoċidji li seħħew mill-1832 ’l hawn bl-agħar wieħed ikun tal-Ġeneral Ost fil-pajjiżi Ewropej okkupati mill-Ġermanja fl-1945 bl-għadd ta’ nies maqtula jkun miljuni. Dawn jinkludu 1.3 miljuni Lhud li huma fost is-sitt miljun Lhudi maqtula fl-Olokawst, kif ukoll il-qtil ta’ aktar minn tliet miljun priġunieri tal-gwerra Sovjetiċi u tliet miljun Pollakki fil-ġenoċidju Nazista tal-Pollakki.
Ix-xogħol jikkonsisti f’għaxar movimenti u oriġinarjament inkiteb għal kor b’erba’ vuċijiet u solisti (sopran u tenur), vjolin solo u orkestra sinfonika.
F’din ir-rappreżentazzjoni flimkien mas-St Paul Metropolitan Orchestra, se jieħdu sehem is-Sopran Karen Darmenia u t-Tenur Charles Vincenti waqt li għal din l-okkażjoni l-parti tas-solo tal-vjolin se tkun interpretata minn Noel Beck fuq il-klarinett.
Se jieħu seħem ukoll il-kantant mistieden Fr Karm Debattista flimkien mas-St Monica Vocal Ensemble, il-kor Anacrusis li huwa l-kor li prinċipalment jaħdem mas-St Paul Metropolitan Orchestra u r-Rotondo Choir minn Poznan fil-Polonja. Id-direzzjoni se tkun tal-kompożitur Stess Maestro Mark Agius.
Min se jattendi għandu jkun f’postu fis-7.00pm. Biljetti jistgħu jinxtraw online minn www.showshappening.com jew mill-Booking Office tal-Katidral (2145 4697). Id-dħul kollu minn din l-okkażjoni se jmur għall-Malta ALS Foundation.
Studentillum
Copyright © 2025 Studentillum - All Rights Reserved.
We use cookies to analyze website traffic and optimize your website experience. By accepting our use of cookies, your data will be aggregated with all other user data.